19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/16
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Marzu 2010 minn Solvay SA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2009 fil-Kawża T-58/01, Solvay vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-110/10 P)
2010/C 161/22
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: Solvay SA (rappreżentanti: P.-A. Foriers, R. Jafferali, F. Louis, A. Vallery, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tgħaqqad din il-kawża mal-appell ippreżentat mir-rikorrenti mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru fil-kawża T-57/01;
—
tannulla s-sentenza kkonċernata tas-17 ta’ Diċembru 2009;
—
għaldaqstant, terġa’ teżamina r-rikors fuq il-punti annullati u tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Diċembru 2000 fl-intier tagħha;
—
tannulla l-multa ta’ EUR 2,25-il miljun jew, inkella, tnaqqasha sostanzjalment bħala ħlas għad-dannu gravi subit mir-rikorrenti minħabba d-dewmien straordinarju tal-proċeduri;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri tal-appell kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li huwa magħmul minn ħames partijiet, l-appellanti ssosnti ksur tad-dritt għal smigħ fi żmien xieraq. B’mod partikolari, Solvay takkuża lill-Qorti Ġenerali li ma evalwatx globalment it-terminu sabiex tinkludi kemm il-fażi amministrattiva kif ukoll dik ġuridika tal-proċedura (l-ewwel parti), li ma ħaditx inkunsiderazzjoni d-dewmien tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali (it-tieni parti), li ssuġġettat il-multa għall-iskadenza tat-terminu raġonevoli għall-prova ta’ ksur konkret tad-drittijiet tad-difiża tagħha meta ż-żewġ drittijiet huma indipendenti u distini (it-tielet parti), li ddeċidiet li tali ksur f’dan il-każ huwa ineżistenti (ir-raba’ parti) u li żnaturat il-fatti tal-kawża inkwantu l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-appellanti rrinunċat milli titlob, sussidjarjament, tnaqqis tal-multa minħabba l-iskadenza tat-terminu raġonevoli (il-ħames parti), meta hija kienet talbet espressament l-annullament jew, tal-anqas, it-tnaqqis tal-multa għal din ir-raġuni.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li huwa magħmul minn ħames partijiet, l-appellanti tinvoka l-ksur tad-drittijiet tad-difiża, mill-Qorti Ġenerali, inkwantu imponitilha li turi li partijiet mill-atti tal-proċess, mitlufa mill-Kummissjoni, setgħu kienu utli għad-difiża tagħha (l-ewwel parti). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe eżami provviżorju tal-proċess, ma jistax jiġi eskluż ex officio, li d-dokumenti inkwistjoni setgħu influwenzaw id-deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni (it-tieni u t-tielet partijiet). Hija takkuża wkoll lill-Qorti Ġenerali li fis-sentenza appellata ddeċidiet li hija ma pprovatx li l-atti mitlufa setgħu jkunu utli għad-difiża tagħha minħabba li l-appellanti ma kinitx ressqet motiv quddiem il-Qorti Ġenerali li jikkontesta l-eżistenza tal-ftehim, hekk kif setgħet tagħmel anki fin-nuqqas ta’ aċċess għall-proċess, meta l-appellanti kienet ressqet dan il-motiv quddiem il-Kummissjoni u li ħadd ma seta’ jiddetermina l-kontenut tad-dokumenti mitlufa (ir-raba’ parti). Fl-aħħar nett, hija takkuża lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet kwalunkwe interess fl-atti mitlufa minħabba li kienet diġà ċaħdet il-motiv fuq il-mertu mressaq mill-appellanti fir-rigward tan-nuqqas ta’ effett fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, meta ma kinitx taf x’kien il-kontenut tal-atti mitlufa u li għalhekk ma tistax teskludi li dawn setgħu jippermettu lill-appellanti tressaq argumenti addizzjonali, jew anki motivi kompletament ġodda, kemm fuq il-mertu kif ukoll fuq l-ammont tal-multa jew fuq ir-regolarità tal-proċedura (il-ħames parti).
Permezz tat-tielet u l-aħħar aggravju tagħha, l-appellanti tikkundanna l-ksur tad-dritt tagħha li tinstema’ wara l-annullament mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel deċiżjoni li kienet timponilha multa u qabel ma l-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, is-sentenza appellata ma tissodisfax ir-rikors għal annullament tagħha u tirrifjuta li tirrikonoxxi l-obbligu tal-Kummissjoni li tisma’ lill-impriża inkwistjoni meta sentenza preċedenti tal-Qorti Ġenerali tkun ikkonstatat irregolarità proċedurali li tkun affettwat il-miżuri preparatorji.
Full & Egal Universal Law Academy