22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Bíróság (l-Ungerija) fit-3 ta’ Marzu 2010 — Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt., fi stralċ vs Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve
(Kawża C-115/10)
2010/C 134/34
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Bíróság (l-Ungerija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bábolna Mezőgazdasági Termelő, Fejlesztő és Kereskedelmi Zrt. fi stralċ
Konvenut: Mezőgazdasági és Vidékfejlesztési Hivatal Központi Szerve
Domandi preliminari
(1)
Jista’ wieħed jiddistingwi bejn il-kundizzjonijiet li għalihom huma suġġetti, minn naħa, l-għajnuna Komunitarja (tal-FAEGG) li taqa’ taħt il-politika agrikola komuni u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna nazzjonali komplementari, jew — fi kliem ieħor — il-kundizzjonijiet ta’ għajnuna nazzjonali komplementari jistgħu jiġu previsti minn regoli oħra, iktar stretti minn dawk li jirregolaw l-għajnuna ffinanzjata mill-FAEGG?
(2)
Il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit, għal dak li jikkonċerna l-benefiċjarji tal-għajnuna, mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3508/92 tas-27 ta' Novembru 1992 li jistabbilixxi amministrazzjoni integrata u sistema ta' kontroll għal ċerti skemi ta’ għajnuna tal-Komunità (1), u mill-Artikolu 10(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1259/1999 tas-17 ta’ Mejju 1999 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-għajnuna hija, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-benefiċjarji tagħha, suġġetta għal żewġ kundizzjonijiet biss: jiġifieri li għandha tingħata a) lil grupp ta’ produtturi agrikoli (jew produttur agrikolu individwali) b) li l-ażjenda tiegħu tkun fit-territorju tal-Komunità?
(3)
Ir-regolamenti ċċitati iktar ’il fuq jistgħu jiġu interpretati fis-sens li l-produttur agrikolu li l-ażjenda tiegħu tkun fit-territorju tal-Komunità, iżda li jrid iwaqqaf l-attività tiegħu fil-futur (wara li juża s-sussidju), ma għandux id-dritt li jibbenefika minn għajnuna?
(4)
Kif għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ status ġuridiku mogħti skont id-dritt nazzjonali, fis-sens taż-żewġ regolamenti ċċitati iktar ’il fuq?
(5)
L-istatus ġuridiku mogħti skont id-dritt nazzjonali jinkludi wkoll l-istatus ġuridiku marbut mal-mod tax-xoljiment eventwali tal-attività tal-produttur agrikolu (jew tal-grupp ta’ produtturi)? Fil-fatt, id-dritt Ungeriż jipprevedi status ġuridiċi distinti għal diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jwasslu għal xoljiment (proċeduri ta’ sospensjoni ta’ pagamenti, ta’ falliment u ta’ stralċ volontarju).
(6)
Jistgħu jiġu previsti b’mod distint, u b’mod kompletament indipendenti minn xulxin, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjonijiet, minn naħa, tal-pagament uniku ibbażat fuq iż-żona (skema Komunitarja) u, min-naħa l-oħra, tal-għajnuna nazzjonali komplementari? Liema huma r-relazzjonijiet li jeżistu (jew li jistgħu jeżistu) bejn il-prinċipji, l-iskema u l-għanijiet taż-żewġ tipi ta’ sussidji?
(7)
Jista’ grupp (jew produttur individwali) li jissodisfa, barra minn hekk, il-kundizzjonijiet tal-iskema Komunitarja ta’ pagament uniku bbażat fuq iż-żona jiġi eskluż mill-benefiċju tal-għajnuna nazzjonali komplementari?
(8)
Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 1259/1999 jestendi wkoll, skont l-Artikolu 1(4) tiegħu, għall-għajnuna nazzjonali komplementari, fid-dawl tal-fatt li meta l-FAEGG tiffinanzja parzjalment biss, l-għajnuna nazzjonali komplementari tiffinanzja kif xieraq?
(9)
Produttur agrikolu li l-ażjenda tiegħu, li qed topera effettivament u legalment, tkun fit-territorju tal-Komunità, għandu dritt għal għajnuna nazzjonali komplementari?
(10)
Jekk id-dritt nazzjonali jirregola l-proċess ta’ xoljiment tal-kumpanniji kummerċjali permezz ta’ leġiżlazzjoni distinta, din għandha rilevanza għall-għajnuna Komunitarja (u l-għajnuna nazzjonali relatata magħha)?
(11)
Ir-regoli Komunitarji u nazzjonali li jirregolaw il-funzjonament tal-politika agrikola komuni jistgħu jiġu interpretati fis-sens li dawn għandhom joħolqu sistema ġuridika kumplessa li tista’ tiġi interpretata b’mod uniformi u li taħdem skont prinċipji u taħt kundizzjonijiet identiċi?
(12)
Il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit mill-Artikolu 1(4) tar-Regolament Nru 3508/92 u mill-Artikolu 10(a) tar-Regolament Nru 1259/1999 jista’ jiġi interpretat fis-sens li, mill-aspett tas-sussidju, l-intenzjoni tal-produttur agrikolu li jwaqqaf l-attivitajiet tiegħu fil-futur, jew ukoll l-istatus ġuridiku li joħroġ minnha, hija kompletament irrilevanti?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 223
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 424
Full & Egal Universal Law Academy