22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/23
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (Il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-4 ta’ Marzu 2010 — Frisdranken Industrie Winters BV vs Red Bull GmbH
(Kawża C-119/10)
2010/C 134/35
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Frisdranken Industrie Winters BV
Konvenuta: Red Bull GmbH
Domandi preliminari
(1)
(a)
Għandu s-sempliċi “mili” ta’ pakketti li għandhom sinjal (kif imsemmi fil-paragrafu 3.1 (iv) iktar ’il fuq) jitqies bħala użu fl-eżerċizzju tal-kummerċ fis-sens tad-Direttiva dwar it-trade marks, anki meta dan il-mili jsir bħala provvista ta’ servizz għal terzi u fuq talba tat-terzi, sabiex jiddistingwi l-prodotti tal-persuna li ħarġet din l-ordni?
(b)
Għandha d-domanda 1(a) tingħata risposta differenti fil-każ tal-ksur imsemmi fl-Artikolu 5(1)(a) jew (b)?
(2)
Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) hija fl-affermattiv, l-użu tas-sinjal jista’ jiġi pprojbit ukoll fil-Benelux skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva dwar it-trade marks, fil-każ li l-prodotti li għandhom sinjal huma intiżi esklużivament għall-esportazzjoni barra (a) it-territorju tal-Benelux jew (b) l-Unjoni Ewropea u li ma jistgħux jiġu apprezzati mill-pubbliku, ħlief fl-impriża fejn isir il-mili?
(3)
Jekk ir-risposta għad-domanda 2 (a jew b) hija fl-affermattiv, skont liema kriterju għandha tiġi evalwata l-eżistenza tal-ksur: skont il-kriterju bbażat fuq il-perspettiva tal-konsumatur (medju, normalment informat u raġonevolment attent u diliġenti) rispettivament fil-Benelux u fl-Unjoni Ewropea, li, fil-fatti mogħtija, tista’ tiġi stabbilita biss b’mod teoretiku jew astratt, jew, f’dan ir-rigward, għandu jkun hemm kriterju ieħor, pereżempju l-perspettiva tal-konsumatur fil-pajjiż ta’ fejn il-prodotti huma esportati?
Full & Egal Universal Law Academy