5.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 148/14
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fit-8 ta’ Marzu 2010 — Waltraud Brachner vs Pensionsversicherungsanstalt
(Kawża C-123/10)
2010/C 148/21
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Oberster Gerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Waltraud Brachner
Konvenut: Pensionsversicherungsanstalt
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li s-sistema ta’ aġġustament annwali tal-pensjoni (valorizazzjoni) prevista mil-leġiżlazzjoni dwar l-assigurazzjoni għall-irtirar obbligatorja hija wkoll suġġetta għall-projbizzjoni mid-diskriminazzjoni msemmija fil-paragarafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni?
(2)
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali ta’ sistema ta’ aġġustament annwali tal-pensjoni li tipprovdi, għal grupp speċifiku ta’ persuni intitolati għall-pensjoni li jirċievu pensjoni minima, żieda potenzjalment inqas miż-żieda applikabbli għal persuni oħra intitolati għal pensjoni sa fejn din il-leġiżlazzjoni għandha effetti sfavorevoli għal 25 % tal-pensjonanti rġiel iżda effett sfavorevoli għal 57 % tal-pensjonanti nisa, u dan fin-nuqqas ta’ kwalunkwe motiv oġġettiv ta’ ġustifikazzjoni?
(3)
Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: trattament sfavorevoli tan-nisa fiż-żieda annwali tal-pensjoni tagħhom jista’ jiġi ġġustifikat permezz tal-fatt li huma jirċievu iktar kmieni l-pensjoni, permezz tal-fatt li huma jirċievu l-pensjoni tagħhom għal żmien itwal jew permezz tal-fatt li l-ammont standard għal qligħ minimu previst mid-dritt soċjali (ammont standard tal-benefiċċji ta’ kumpens) ġie miżjud b’mod proporzjonalment ogħla jew inkella permezz tat-tliet motivi flimkien meta d-dispożizzjonijiet dwar l-għoti tal-qligħ minimu tad-dritt soċjali (benefiċċju ta’ kumpens) jipprovdu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-qligħ l-ieħor tal-persuna intitolata għall-pensjoni kif ukoll il-qligħ tal-konjuġi tagħha li joqgħod magħha filwaqt li l-pensjonijiet tal-pensjonanti l-oħra huma miżjuda mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-qligħ tal-persuna intitolata għall-pensjoni jew il-qligħ tal-konjuġi tagħha?
(1) Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215).
Full & Egal Universal Law Academy