22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/25
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja) fil-11 ta’ Marzu 2010 — Naftiliaki Etaireia Thasou AE vs Ypourgos Emporikis Naftilias
(Kawża C-128/10)
2010/C 134/38
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Symvoulio tis Epikrateias (il-Greċja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Naftiliaki Etaireia Thasou AE
Konvenuta: Ypourgos Emporikis Naftilias
Domandi preliminari
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 1, 2 u 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92, tas-7 ta’ Diċembru 1992, li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 10), interpretati skont il-prinċipju tal-libertà li jiġu provduti servizzi, jippermettu l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li bis-saħħa tagħhom is-sidien tal-bastimenti ma jistgħux jipprovdu servizzi ta’ kabotaġġ marittimu ħlief wara li jkunu kisbu awtorizzazzjoni amministrattiva minn qabel, meta: a) din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni hija intiża sabiex tivverifika jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni eżistenti f’port speċifiku, l-iskedi ddikjarati minn sid ta’ bastiment jistgħux jiġu operati f’kundizzjonijiet li jiggarantixxu s-sigurtà tal-vapur u l-osservanza tal-ordni fil-port u jekk il-vapur li jopera servizz regolari jistax jidħol f’port speċifiku mingħajr ostaklu fil-ħin li sid il-bastiment ikun iddikjara bħala l-aħjar ħin sabiex iwettaq servizz speċifiku, mingħajr, madankollu, ma jkun hemm definizzjoni minn qabel, permezz ta’ dispożizzjoni legali, tal-kriterji li abbażi tagħhom l-awtoritajiet jiddeċiedu dwar dawn il-kwistjonijiet, b’mod partikolari, fil-każ fejn diversi sidien tal-bastimenti jkunu jixtiequ jidħlu fl-istess port fl-istess ħin; b) din is-sistema ta’ awtorizzazzjoni tikkostitwixxi, fl-istess ħin, mezz ta’ kif jiġu imposti obbligi ta’ servizz pubbliku li għandu, f’dan ir-rigward, il-karatteristiċi li ġejjin: i) huwa jkopri, mingħajr eċċezzjoni, ir-rotot marittimi kolha li jservu l-gżejjer; ii) huwa jagħti lill-awtorità amministrattiva awtorizzata sabiex tagħti l-awtorizzazzjoni setgħa diskrezzjonali kbira ħafna li tippermettilha timponi obbligi ta’ servizz pubbliku, mingħajr definizzjoni minn qabel, permezz ta’ dispożizzjoni legali, tal-kriterji li jirregolaw l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa u mingħajr ma l-kontenut tal-obbligi ta’ servizz pubbliku li jistgħu jiġu imposti, ikunu ġew stabbiliti minn qabel?
Full & Egal Universal Law Academy