22.5.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 134/26
Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2010 — Il-Parlament Ewropew vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-130/10)
2010/C 134/40
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrent: Il-Parlament Ewropew (rappreżentanti: E. Perillo, K. Bradley, A. Auersperger Matić, aġenti)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009 (1), tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 (2) li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban;
—
tordna li l-effetti tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009 jinżammu fis-seħħ sakemm jiġi ssostitwit;
—
tordna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Parlament Ewropew jikkunsidra li r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1286/2009, tat-22 ta’ Diċembru 2009, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati ma’ Usama bin Laden, in-netwerk ta’ Al-Qaida u t-Taliban huwa invalidu minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
—
fir-rigward tal-għan u l-kontenut tiegħu, il-bażi legali korretta għar-regolament hija l-Artikolu 75 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
—
sussidjarjament, il-kundizzjonijiet tal-użu tal-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ma ġewx sodisfatti, peress li l-ebda proposta ma ġiet ippreżentata b’mod validu, u l-Kunsill ma kienx adotta preċedentement deċiżjoni skont il-Kapitolu 2 tat-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.
Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tannulla r-regolament ikkontestat, il-Parlament xorta jipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita s-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex iżomm fis-seħħ l-effetti tar-regolament ikkontestat, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 264 TFUE, sakemm dan jiġi ssostitwit.
(1) ĠU L 346, p. 42.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 294.
Full & Egal Universal Law Academy