5.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 148/16
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administrativen Sad Sofia-grad (il-Bulgarija) fil-15 ta’ Marzu 2010 — DP grup EOOD vs Direktor na Agentsia “Mitnitsi”
(Kawża C-138/10)
2010/C 148/25
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen Sad Sofia-grad.
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: DP grup EOOD
Konvenut: Direktor na Agentsia “Mitnitsi”
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1) għandu, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità doganali l-obbligu li tillimita ruħha għall-verifika tal-konformità tad-dikjarazzjoni doganali mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, billi tivverifika biss id-dokumenti kif stipulat fl-Artikolu 68 ta’ dan ir-regolament, u li tibbaża ruħha biss fuq id-dokumenti ppreżentati sabiex tiddeċiedi dwar l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, meta jkun hemm xi dubju dwar ir-rilevanza tal-kodiċi tariffarju tal-merkanzija u meta evalwazzjoni speċjalizzata hija neċessarja sabiex jiġi ddeterminat dan il-kodiċi?
(2)
Id-deċiżjoni tal-awtorità doganali dwar l-aċċettazzjoni immedjata tad-dikjarazzjoni doganali skont l-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandha, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tiġi kkunsidrata bħala deċiżjoni ta’ awtorità doganali fis-sens tal-Artikolu 4(5) flimkien mal-ewwel inċiż tal-Artikolu 8(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u dan b’mod partikolari safejn tirrigwarda il-kontenut kollu tad-dikjarazzjoni doganali, fejn ikun hemm preżenti, fl-istess ħin, iż-żewġ ċirkustanzi li ġejjin:
(a)
id-deċiżjoni tal-awtorità doganali, relatata mal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, ittieħdet biss abbażi tad-dokumenti ppreżentati flimkien mad-dikjarazzjoni;
(b)
fit-twettiq tal-verifiki meħtieġa qabel l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, kien hemm suspett dwar l-ineżatezza tal-kodiċi tariffarju ddikjarata għall-merkanzija;
(c)
fit-twettiq tal-verifiki meħtieġa qabel l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, l-elementi dwar il-kontenut tal-merkanzija ddikjarata u li huma rilevanti għad-determinazzjoni korretta tal-kodiċi tariffarja kienu inkompleti;
(d)
fil-verifika qabel l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni, ittieħed kampjun sabiex jiġi eżaminat fid-dawl tad-determinazzjoni korretta tal-kodiċi tariffarja tal-merkanzija?
(3)
L-Artikolu 63 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu, fiċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali, jiġi interpretat fis-sens li:
(a)
huwa permess li tiġi kkontestata ġudizzjarjament il-legalità tal-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali, wara li l-merkanzija titqiegħed fil-libera ċirkulazzjoni, jew
(b)
l-aċċettazzjoni tad-dikjarazzjoni doganali ma tistax tkun suġġetta għal rikors, minħabba li din tirreġistra biss id-dikjarazzjoni tal-merkanzija lill-awtoritajiet doganali u tiddetermina l-mument meta jibda d-dejn doganali għall-importazzjoni u li ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ awtorità doganali dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tariffarja korretta u l-ammont tad-dazji doganali dovuti skont din id-dikjarazzjoni?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307.
Full & Egal Universal Law Academy