19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/19
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Marzu 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
(Kawża C-141/10)
2010/C 161/28
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Kreuschitz u M. van Beek, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, billi ma adottax il-miżuri kollha meħtieġa sabiex ineħħi l-leġiżlazzjoni li tgħid li ċerti benefiċċji soċjali ma għandhomx jitħallsu lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea impjegati fuq riggijiet taż-żejt fil-Pajjiżi l-Baxxi, naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 13(2)(a) u 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 (1), u taħt l-Artikoli 45 sa 48 TFUE.
—
tikkundanna lir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Il-Parlament Ewropew reċentement talab lill-Kummissjoni Ewropea, f’diversi okkażjonijiet, informazzjoni dwar ċittadini Portugiżi li jaħdmu fuq rigg taż-żejt fuq il-blata kontinentali Olandiża u li jirrisjedu fil-Portugall, iżda li ma jibbenefikawx mill-istess benefiċċji ta’ xogħol u soċjali li minnhom jibbenefikaw il-ħaddiema residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi.
(2)
Konsegwentement, il-Kummissjoni, skont il-proċedura tal-Artikolu 226 KE, li issa huwa l-Artikolu 258 TFUE, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni u opinjoni motivata lill-Pajjiżi l-Baxxi. Fihom, il-Kummissjoni tindika li, fil-fehma tagħha, il-leġiżlazzjoni soċjali Olandiża għandha tkun applikabbli wkoll għal ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu fuq riggijiet taż-żejt fil-Pajjiżi l-Baxxi u li r-rifjut tal-awtoritajiet Olandiżi li jagħtu lil dawn il-persuni l-benefiċċji soċjali tagħhom huwa inkompatibbli mat-Titolu II tar-Regolament (KEE) Nru 1408/7 u, b’mod partikolari, mal-Artikoli 13(2)(a) u 3(1), kif ukoll mal-Artikoli 39 sa 42 Trattat KE, li sadanittant saru l-Artikoli 45 sa 48 TFUE.
(3)
Sal-lum, il-Pajjiżi l-Baxxi għadhom ma ħadux il-miżuri kollha meħtieġa sabiex ineħħu l-leġiżlazzjoni li tgħid li ċerti benefiċċji soċjali ma għandhomx jitħallsu lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea impjegati fuq riggijiet taż-żejt fil-Pajjiżi l-Baxxi.
(4)
Fid-dawl tas-suespost, il-Kummissjoni tikkonkludi li, billi rrifjutaw li jħallsu ċerti benefiċċji soċjali lil ċittadini ta’ Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea impjegati fuq riggijiet taż-żejt fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Pajjiżi l-Baxxi naqsu milli jwettqu l-obbligi tagħhom taħt l-Artikoli 13(2(a) u 3(1) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 u l-Artikoli 45 sa 48 TFUE.
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 1, p. 35)
Full & Egal Universal Law Academy