19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van Beroep te Brussel fid-29 ta’ Marzu 2010 — Express Line NV vs Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie
(Kawża C-148/10)
2010/C 161/29
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hof van Beroep te Brussel
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Express Line NV
Konvenut: Belgisch Instituut voor Postdiensten en Telecommunicatie
Domandi preliminari
(1)
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 97/67/KE (1),tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz, kif emendata bid-Direttiva 2002/39/KE (2) u b’mod partikolari, iżda mhux biss, l-Artikolu 19 tagħha, speċifikament fir-rigward tal-emendi li saru bid-Direttiva 2008/6/KE (3), li għandhom jiġu trasposti fid-dritt nazzjonali sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri mhumiex awtorizzati jimponu sistema mandatorja ta’ lmenti esterni fuq il-fornituri ta’ servizzi postali mhux universali peress li:
(i)
fir-rigward tal-proċeduri ta’ lmenti applikabbli għall-protezzjoni tal-utenti ta’ servizzi postali, id-Direttiva tipprovdi armonizzazzjoni kompleta; jew peress li
(ii)
dan l-obbligu ġie impost bid-Direttiva 2002/39/KE biss fuq il-fornitur tas-servizz universali u, b’effett mid-Direttiva 2008/6/KE, fuq il-fornituri ta’ servizzi universali kollha, minkejja li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2008/6/KE, l-Istati Membri jistgħu sempliċement jinkoraġġixxu, iżda mhux jimponu, l-iżvilupp ta’ sistemi indipendenti ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim bejn il-fornituri ta’ servizzi postali, minbarra l-fornituri ta’ servizzi universali u l-konsumaturi finali?
(2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija li d-Direttiva dwar il-Posta ma tipprekludix fiha nfisha li l-Istati Membri jimponu obbligu fuq il-fornituri ta’ servizz postali mhux universali ta’ sistema ta’ pproċessar ta’ ilmenti kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2) għall-fornituri tas-servizzi postali universali, il-prinċipji tal-moviment liberu tas-servizzi (Artikoli 49 KE et seq, Artikoli 56 TFUE et seq) għandhom jiġu interpretati fis-sens li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu ta’ servizzi introdotti minn Stat Membru bbażati fuq raġunijiet mandatorji ta’ interess ġenerali tal-protezzjoni tal-konsumaturi, li bis-saħħa tagħhom il-fornituri ta’ servizzi postali mhux universali huma suġġetti għal sistema esterna mandatorja ta’ pproċessar ta’ lmenti prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 19(2) għall-fornituri ta’ servizzi postali universali, huma kompatibbli mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, anki jekk, fil-kuntest tal-applikazzjoni tas-sistema ta’ pproċessar tal-ilmenti inkwistjoni, ma ssir ebda distinzjoni bejn l-ilmenti li joriġinaw minn konsumaturi u dawk li joriġinaw minn utenti finali oħra, minkejja li l-parti l-kbira tal-utenti ta’ dawn is-servizzi (f’dan il-każ servizzi ta’ posta espress u servizzi ta’ messaġġi) huma utenti professjonali?
(1) Direttiva 97/67/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Diċembru 1997, dwar regoli komuni għall-iżvilupp tas-suq intern tas-servizzi postali tal-Komunità u t-titjib fil-kwalità tas-servizz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 71).
(2) Direttiva 2002/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-10 ta’ Ġunju 2002, li temenda d-Direttiva 97/67/KE fir-rigward tal-ftuħ ulterjuri għal kompetizzjoni tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4. p. 316).
(3) Direttiva 2008/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Frar 2008, li temenda d-Direttiva 97/67/KE dwar it-tlestija kompleta tas-suq intern tas-servizzi postali Komunitarji (ĠU L 52, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy