3.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fl-1 ta’ April 2010 — Sony Logistics Europe BV vs Staatssecretaris van Financiën
(Kawża C-153/10)
2010/C 179/24
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Hoge Raad der Nederlanden
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Sony Logistics Europe BV
Konvenut: Staatssecretaris van Financiën
Domandi preliminari
(1)
Id-dritt Komunitarju u, b’mod iktar partikolari, l-Artikoli 12(2) u (5), u 217(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (1), kif ukoll l-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ implementazzjoni tiegħu (2), flimkien mal-Artikolu 243 tal-Kodiċi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest ta’ proċedura dwar dazji doganali imposti, parti kkonċernata tista’ tikkontesta din l-impożizzjoni billi tippreżenta informazzjoni tariffarja li torbot maħruġa għall-istess merkanzija fi Stat Membru ieħor li, f’dak iż-żmien, kienet għadha s-suġġett ta’ kontestazzjoni iżda eventwalment ġiet emendata?
(2)
Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fl-affermattiv, id-dikjarant li jaġixxi f’ismu proprju u għan-nom tiegħu stess jista’, meta jistabbilixxi d-dikjarazzjonijiet doganali għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni libera, jinvoka, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, informazzjoni tariffarja li torbot li ma nkunx inħarġet lilu stess iżda lil kumpannija assoċjata miegħu li fuq talba tagħha huwa jkun għamel id-dikjarazzjonijiet doganali?
(3)
Jekk ir-risposta għat-tieni domanda tkun fin-negattiv, id-dritt Komunitarju jipprekludi li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna kkonċernata tinvoka deċiżjoni ta’ politika nazzjonali li fiha l-awtoritajiet nazzjonali joħolqu aspettattiva leġittima fir-rigward tal-possibbiltà li, sabiex issir il-klassifikazzjoni tariffarja ta’ merkanzija ddikjarata, isir riferiment għal informazzjoni tariffarja maħruġa minn terzi fir-rigward tal-istess merkanzija?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy