3.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/15
Appell ippreżentat fl-1 ta’ April 2010 minn Nokia Oyj mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fl-20 ta’ Jannar 2010 fil-Kawża T-460/07, Nokia Oyj vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-154/10 P)
2010/C 179/25
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Partijiet
Appellanti: Nokia Oyj (rappreżentant: C. Rehaag, avukat)
Appellati: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Medion AG
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza T-460/07;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tas-sentenza mogħtija fil-Kawża T-460/07 peress li f’din il-kawża l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks LIFE u LIFE BLOG u peress li applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 (1). Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni.
Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fir-rigward tax-xebh bejn it-trade marks, li l-paragun jikkonċerna it-trade marks LIFE u LIFE BLOG, iżda sussegwentement hija aġixxiet b’mod manifestament kontradittorju ma’ din il-konstatazzjoni u kkontradixxiet ruħha meta bbażat ix-xebh bejn it-trade marks biss fuq l-element LIFE tat-trade mark sħiħa LIFE BLOG.
F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni żbaljata fir-rigward tat-tip ta’ konsumaturi rilevanti u tal-mod kif il-konsumaturi jipperċepixxu t-trade marks; u għaldaqstant hija kisret il-prinċipji stabbiliti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146)
Full & Egal Universal Law Academy