19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/34
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Târgu-Mureș (Ir-Rumanija) fis-17 ta’ Marzu 2010 — L-Istat Rumen irrappreżentat mill-Ministerul Finanțelor și Economiei, Direcția Generală a Finanțelor Publice Mureș — Administrația Finanțelor Publice Târgu-Mureș vs SC DARMI SRL
(Kawża C-178/10)
2010/C 161/51
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Târgu-Mureș
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: L-Istat Rumen irrappreżentat mill-Ministerul Finanțelor și Economiei, Direcția Generală a Finanțelor Publice Mureș — Administrația Finanțelor Publice Târgu-Mureș
Konvenuta: SC DARMI SRL
Domandi preliminari
(1)
Jista’ jitqies li permezz tal-istabbiliment ta’ taxxa fuq it-tniġġis, fil-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2008 sal-15 ta’ Diċembru 2008, il-leġiżlazzjoni kkonċernata ta’ dritt intern adottata fir-Rumanija (Digriet ta’ urġenza Nru 50/2008) tissodisfa fl-ewwel lok il-prinċipji tal-unjoni doganali u tal-projbizzjoni mit-taxxa doppja stabbiliti mill-Artikoli 23, 25 u 90 KE, jiġifieri, dawn id-dispożizzjonijiet tat-Trattat jippermettu l-istabbiliment ta’ taxxa fuq it-tniġġis skont l-għan previst mil-leġiżlatur Rumen fil-Preambolu tad-Digriet ta’ urġenza Nru 50/2008, liema għan huwa wkoll previst mill-Artikolu 174 KE et seq u li jipprovdi għall-garanzija tal-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-implementazzjoni ta’ programmi u proġetti għat-titjib tal-kwalità tal-arja u sabiex il-figuri kkonċernati jidħlu fil-limiti tal-parametri previsti mil-leġiżlazzjoni Komunitarja f’dan is-sens? Fi kliem ieħor, b’mod partikolari, permezz tal-istabbiliment ta’ taxxa fuq it-tniġġis fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea għall-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi, ġodda jew second-hand, importati minn Stat Membru ieħor fl-ewwel Stat Membru, jista’ jitqies li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 174 KE et seq jiġġustifikaw in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 23, 25 u 90 tal-istess Trattat KE?
(2)
Jista’ jitqies li, jekk din il-vettura tkun ġiet suġġetta għal taxxa analoga għat-taxxa fuq it-tniġġis (jiġifieri bl-istess kontenut kunċettwali u bl-istess għan, jiġifieri r-rispett tal-ambjent skont il-prinċipji u l-għanijiet li jinsabu fl-Artikolu 174 KE et seq), fi Stat Membru, meta ssir l-ewwel reġistrazzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor ikun possibbli li din it-taxxa fuq it-tniġġis tiġi stabbilita bl-istess għanijiet previsti fl-Artikolu 174 KE et seq tat-Trattat, anki jekk preċedentement hija diġà kienet suġġetta għal taxxa fuq it-tniġġis fi Stat Membru ieħor?
(3)
Fl-aħħar nett, jekk, min-naħa l-oħra, din il-vettura ma tkunx ġiet suġġetta għal taxxa fuq it-tniġġis fi Stat Membru ieħor (minħabba li din it-taxxa ma kinitx teżisti jew minħabba raġunijiet oħra), iżda bir-reġistrazzjoni suċċessiva fi Stat Membru ieħor, pereżempju fir-Rumanija fejn din it-taxxa tiġi mħallsa, l-ewwel reġistrazzjoni tkun suġġetta għat-taxxa fuq it-tniġġis fit-tali Stat, jista’ jitqies, f’din l-ipoteżi, li hemm ksur tal-prinċipji ta’ unjoni doganali u ta’ protezzjoni interna indiretta prevista fl-Artikoli 23, 25 u 90 KE?
Full & Egal Universal Law Academy