31.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 209/11
Rikors ippreżentat fit-13 ta’ April 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-185/10)
2010/C 209/16
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Simerdova u K. Herrmann)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
Il-Kummissjoni titlob li:
—
jiġi kkonstatat il-ksur tal-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (1), minħabba fl-adozzjoni u ż-żamma minnha tal-Artikolu 4 tal-Ustawa “Prawo farmaceutyczne” (Liġi dwar il-mediċini) tas-6 ta’ Settembru 2001 fil-verżjoni emendata tagħha tat-30 Marzu 2007 (Dz. U. Nr. 75, Pos 492), billi dan l-artikolu jippermetti li prodotti mediċinali jitqiegħdu fis-suq tar-Repubblika tal-Polonja mingħajr awtorizzazzjoni bħal ma huwa l-każ għall-prodotti mediċinali barranin importati fis-suq u li għandhom l-istess ingredjenti attivi, l-istess doża u l-istess forma iżda li kisbu awtorizzazzjoni għat-tqegħid tagħhom fis-suq fil-Polonja, jekk il-prezz ta’ dawn tal-ewwel ikun iktar kompetittiv minn dawn tal-aħħar;
—
ir-Repubblika tal-Polonja tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
L-adozzjoni u l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (3a) tal-Ustawa “Prawo Farmaceutyczne” mir-Repubblika tal-Polonja ppermettew it-tqegħid fis-suq fil-Polonja ta’ prodotti mediċinali mingħajr ma dawn ikunu ġew awtorizzati f’dan il-pajjiż mill-awtorità nazzjonali kompetenti u dan bi ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/83.
Id-dispożizzjoni Pollakka ma hijiex koperta mill-Artikoli 5(1) u 126a tad-Direttiva 2001/83 li jipprovdu għal derogi mill-obbligu ġenerali, li jinsab fl-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, li prodott mediċinali jkollu awtorizzazzjoni nazzjonali.
L-ewwel nett, l-Artikolu 4(3a) tal-Ustawa “Prawo Farmaceutyczne” li jgħid li l-kundizzjoni għall-awtorizzazzjoni sabiex jiġu ammessi prodotti mediċinali barranin hija l-kompetittività tal-prezzijiet tagħhom meta mqabbla mal-prezz tal-prodotti mediċinali li diġà ġew ammessi fis-suq domestiku, huwa biss ibbażat fuq kriterju ta’ natura ekonomika. Kriterju ta’ dan it-tip ma jistax madankollu jiġġustifika d-deroga mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2001/83.
Barra minn dan, id-dispożizzjoni Pollakka tikkonċerna prodotti mediċinali li għandhom l-istess ingredjenti attivi, l-istess forma u l-istess doża bħal dawk tal-prodotti mediċinali diġà ammessi fis-suq domestiku, u għalhekk mhux possibbli li dawn il-prodotti mediċinali jitqiesu bħala mhux disponibbli fis-suq domestiku, każ li kieku kien jindika l-ħtieġa għal importazzjoni b’għan speċifiku b’mod konformi mal-Artikolu 5 tad-Direttiva.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69.
Full & Egal Universal Law Academy