19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/35
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fis-16 ta’ April 2010 — Proċeduri kriminali kontra Aziz Melki
(Kawża C-188/10)
2010/C 161/53
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Parti fil-kawża prinċipali
Aziz Melki
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 23-2 u mill-paragrafu 2 tal-Artikolu 23-5 tad-Digriet Nru 58-1067, tas-7 ta’ Novembru 1958, stabbiliti permezz tal-Liġi Organika Nru 2009-1523, tal-10 ta’ Diċembru 2009, sa fejn jimponu fuq il-qrati l-obbligu li jagħtu deċiżjoni bi prijorità dwar it-trażmissjoni, lill-Conseil constitutionnel, tal-kwistjoni ta’ kostituzzjonalità mressqa quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni tad-dritt nazzjonali, minħabba li dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni?
(2)
L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali li jipprovdi li “f’żona bejn il-fruntiera territorjali ta’ Franza mal-Istati kontraenti tal-Ftehim iffirmat f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju1990 u linja mmarkata sa 20 kilometru ’il ġewwa minn din il-fruntiera, u fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku ta’ portijiet, ajruporti, stazzjonijiet tal-ferrovija jew vendi tal-karozzi tal-linja, li huma miftuħa għat-traffiku internazzjonali u identifikati permezz ta’ digriet, l-identità ta’ kwalunkwe persuna tista’ wkoll tiġi kkontrollata, skont il-proċedura pprovduta fil-paragrafu 1, sabiex jiġi vverifikat jekk l-obbligi imposti mil-liġi rigward iż-żamma, il-pussess u l-preżentazzjoni ta’ dokumenti humiex osservati. Fejn tali kontroll iseħħ fuq ferrovija b’rotta internazzjonali, dan jista’ jseħħ fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel stazzjon li jkun jinsab lil hinn minn 20 kilomteru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji b’rotta internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ bejn dan l-istazzjon u stazzjon li jkun jinsab fil-limitu ta’ ħamsin kilometru ’il bogħod. Dawn ir-rotot u dawn l-istazzjonijiet huma identifikati permezz ta’ digriet ministerjali. Meta hemm sezzjoni ta’ awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel pedaġġ tal-awtostrada jinsab lil hinn mil-linja ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ jseħħ sa dan l-ewwel pedaġġ, f’żoni ta’ parkeġġ jew fis-sit tal-pedaġġ jew iż-żoni ta’ parkeġġ ħdejh. Il-pedaġġi li jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni huma identifikati permezz ta’ digriet”?
Full & Egal Universal Law Academy