19.6.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 161/36
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fis-16 ta’ April 2010 — Proċeduri kriminali kontra Sélim Abdeli
(Kawża C-189/10)
2010/C 161/54
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Sélim Abdeli
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007 jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23-2 u mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 23-5 tad-Digriet Nru 58-1067, tas-7 ta’ Novembru 1958, introdotti mil-Liġi Organika Nru 2009-1523, tal-10 ta’ Diċembru 2009, sa fejn huma jobbligaw lill-qrati sabiex jiddeċiedu bi prijorità fuq ir-rinviju, quddiem il-Conseil constitutionnel, tal-kwistjoni ta’ natura kostituzzjonali li titressaq quddiemhom, sa fejn din il-kwistjoni tirrigwarda n-nuqqas ta’ konformità mal-Kostituzzjoni ta’ test ta’ dritt nazzjonali, minħabba li dan imur kontra d-dritt tal-Unjoni?
(2)
L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea ffirmat f’Lisbona fit-13 ta’ Diċembru 2007, jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik li tirriżulta mill-paragrafu 4 tal-Artikolu 78-2 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jipprovdi li “f’żona inkluża bejn il-fruntiera terrestri ta’ Franza mal-Istati partijiet fil-konvenzjoni ffirmata f’Schengen fid-19 ta’ Ġunju 1990 u l-linja li tgħaddi 20 kilometru ’l ġewwa minn din il-fruntiera, kif ukoll fiż-żoni aċċessibbli għall-pubbliku tal-portijiet, ajruporti u stazzjonijiet tal-ferroviji jew tat-triq miftuħa għat-traffiku internazzjonali u indikati permezz ta’ ordni, tista’ tiġi vverifikata wkoll l-identità ta’ kwalunkwe persuna, skont il-metodi previsti fl-ewwel paragrafu, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-obbligi previsti mil-liġi, ta’ detenzjoni, ta’ ġarr u ta’ preżentazzjoni taċ-ċertifikati u tad-dokumenti. Meta dan il-kontroll iseħħ fuq ferrovija li tagħmel vjaġġ internazzjonali, dan jista’ jsir fuq il-parti tal-vjaġġ bejn il-fruntiera u l-ewwel waqfa li tinsab lil hinn minn 20 kilometru mill-fruntiera. Madankollu, fuq ferroviji li jagħmlu vjaġġ internazzjonali u li għandhom karatteristiċi partikolari ta’ servizz, il-kontroll jista’ jsir ukoll bejn din il-waqfa u waqfa li tinsab tul il-ħamsin kilometru ta’ wara. Dawn il-linji u dawn il-waqfiet huma indikati permezz ta’ ordni Ministerjali. Meta teżisti parti mill-awtostrada li tibda fiż-żona msemmija fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu u l-ewwel kabina fejn tinġabar it-taxxa tat-triq tinsab lil hinn mil-linja ta’ 20 kilometru, il-kontroll jista’ wkoll iseħħ sa din l-ewwel kabina fiż-żoni tal-parkeġġ kif ukoll fuq is-sit tal-kabina u ż-żoni tal-parkeġġ fil-madwar. Il-kabini kkonċernati minn din id-dispożizzjoni huma indikati permezz ta’ ordni”?
Full & Egal Universal Law Academy