3.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/20
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Milano (l-Italja) fit-23 ta’ April 2010 — Cassina S.p.A. vs Alivar Srl, Galliani Host Arredamenti Srl
(Kawża C-198/10)
2010/C 179/34
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Corte d’appello di Milano
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Cassina S.p.A.
Konvenuti: Alivar Srl, Galliani Host Arredamenti Srl
Domandi preliminari
(1)
L-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva 98/71/KE (1) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-possibbiltà mogħtija lill-Istat Membru li jistabbilixxi awtonomament sa fejn, u l-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-protezzjoni, tista’ tinkludi l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fil-każ li persuna terza — mhux awtorizzata mit-titolari tad-dritt tal-awtur fuq disinni — tkun diġà pproduċiet u kkummerċjalizzat fl-istess territorju nazzjonali prodotti magħmula konformement ma’ dawn id-disinni, disponibbli pubblikament, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali emendatorja?
(2)
L-Artikoli 17 u 19 tad-Direttiva 98/71/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-possibbiltà mogħtija lill-Istat Membru li jistabbilixxi awtonomament sa fejn, u l-kundizzjonijiet li bihom tingħata l-protezzjoni, tista’ tinkludi l-esklużjoni tal-protezzjoni stess fil-każ li persuna terza — mhux awtorizzata mit-titolari tad-dritt tal-awtur fuq disinni — tkun diġà pproduċiet u kkummerċjalizzat fl-istess territorju nazzjonali prodotti magħmula konformement ma’ dawn id-disinni, fejn din l-esklużjoni tkun stabbilita sa fejn ikun sar użu minn qabel?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21 p. 120.
Full & Egal Universal Law Academy