3.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 179/26
Appell ippreżentat fis-6 ta' Mejju 2010 minn Lufthansa AirPlus Servicekarten GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-3 ta' Marzu 2010 fil-Kawża T-321/07 — Lufthansa AirPlus Servicekarten GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-216/10)
2010/C 179/42
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Lufthansa AirPlus Servicekarten GmbH (rappreżentanti: R. Kunze, G. Würtenberger, avukati)
Appellat: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-3 ta’ Marzu 2010, fil-Kawża T-321/07, Lufthansa AirPlus Servicekarten GmbH vs UASI — Applus Servicios Tecnológicos, SL (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI) tas-7 ta’ Ġunju 2007 li tikkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li tiċħad l-oppożizzjoni kontra l-applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja 002 933 356;
—
tiffissa seduta wara t-tmiem tal-proċedura bil-miktub;
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqis li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
—
il-Qorti Ġenerali kkonfermat, inġustament, l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell f’dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1) (iktar ’il quddiem ir-“RTK”);
—
il-Qorti Ġenerali żbaljat billi ma eżaminatx l-oppożizzjoni ppreżentata mill-appellanti fuq il-bażi tal-Artikolu 8(5) tar-RTK;
—
il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 75 tar-RTK billi ddeċidiet li l-Bord tal-Appell ma setgħax jeżamina b’mod eżawrjenti l-argumenti l-oħra tal-appellanti, b’mod partikolari dawk dwar il-karattru distintiv tar-reġistrazzjoni preċedenti tat-trade mark “minħabba raġunijiet ta’ ekonomija tal-proċedura”;
—
is-sentenza appellata tikser l-Artikolu 76 RTK;
—
il-Qorti Ġenerali żbaljat billi aċċettat, li l-fatt li l-UASI ma nformax lill-appellanti dwar il-bidla tal-proprjetarju tal-applikazzjonijiet għat-trade mark Komunitarja, u b’hekk ċaħħadha mill-possibbiltà li tikkummenta dwar il-bidla tal-partijiet, ma wassalx għal ksur serju tad-dritt tal-appellanti għal smigħ xieraq;
—
il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fuq kundanna għall-ispejjeż li ma kintx tikkonforma mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea.
(1) Regolament tal Kunsill (KE) Nru 40/94, tal- 20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146.
Full & Egal Universal Law Academy