17.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 195/10
Appell ippreżentat fis-7 ta’ Mejju 2010 minn Brigit Lind mid-digriet tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) mogħti fl-24 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-5/09, Brigit Lind vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-222/10 P)
2010/C 195/15
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Brigit Lind (rappreżentant: I. Anderson, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla fl-intier tiegħu d-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Marzu 2010 li jiċħad ir-rikors tagħha bħala manifestament inammissibbli, bl-ispejjeż.
—
tieħu konjizzjoni tal-appell tal-appellanti u tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lill-appellanti;
(a)
is-somma ta’ EUR 50 000 jew kull somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li hija ġusta u ekwa, għad-danni morali sofferti minnha minħabba t-tbatija u l-mewt ta’ ħuwha bħala riżultat tar-rifjut kapriċċuż u illegali tal-Kummissjoni milli tinforza l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ mediku kawtelatorju tad-Direttiva 96/29 kontra mard marbut mar-radjazzjoni fit-tul fil-każ tal-gruppi ta’ ħaddiema speċjali għall-intervent ta’ Thule (1).
(b)
tħallas lill-patrimonju ta’ John Erling Nochen;
(i)
is-somma ta’ EUR 250 000, jew kull somma oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja jidhrilha li hija ġusta u ekwa, għat-tbatija tiegħu mill-2006 sal-mewt tiegħu fl-2008 minn kanċer fil-pulmun bħala riżultat tar-rifjut kapriċċuż u illegali tal-Kummissjoni milli tinforza l-implementazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ mediku kawtelatorju tad-Direttiva 96/29 kontra mard marbut mar-radjazzjoni fit-tul fil-każ tal-gruppi ta’ ħaddiema speċjali għall-intervent ta’ Thule;
(ii)
is-somma ta’ EUR 6 000 għal spejjeż tal-funeral.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ċaħdet bħala inammissibbli l-każ tal-appellanti bbażat fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali, billi wettqet distorsjoni kemm tan-natura tat-talbiet tagħha kif ukoll tal-motivi tagħha fid-dritt. Bħala riżultat ta’ tali distorsjoni, il-Qorti Ġenerali naqset milli tidentifika illegalità fil-kuntest tar-raġunijiet kapriċċużi u inveritjeri tal-Kummissjoni għan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħha — liema nuqqas ta’ azzjoni kiser l-Istandards Uniformi ta’ saħħa u sigurtà għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku f’każijiet ta’ aċċidenti radjoloġiċi kkawżati minn użu militari ta’ enerġija nukleari.
(2)
Nuqqas ta’ applikazzjoni tal-prinċipji legali komuni tal-Istati Membri.
Il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa l-illegalità tan-nuqqas ta’ kura, ta’ diliġenza u ta’ amministrazzjoni tajba tal-Kummissjoni b’riferiment għal prinċipji legali komuni għas-sistemi legali tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tar-responsabbiltà amministrattiva għad-danni kkawżati lill-individwi, kif meħtieġ mill-Artikolu 188 tat-Trattat KEEA.
(3)
Applikazzjoni żbaljata tal-poteri ta’ eżenzjoni uniċi tal-Kummissjoni taħt il-liġi tal-kompetizzjoni għall-ammissibbiltà tal-ilment tal-istandards tas-saħħa.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat ulterjorment meta kkunsidrat l-eżenzjoni militari tal-Kummissjoni tal-aċċident radjoloġiku f’Thule mill-protezzjonijiet tas-saħħa tad-Direttiva, fid-dawl tad-diskrezzjoni wiesgħa u unika tal-Kummissjoni li tistabbilixxi l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ eżenzjonijiet diskrezzjonali ta’ ftehim kummerċjali illegali. Dan il-fatt injora deċiżjonijiet minn din il-qorti dwar l-ammissibbiltà f’oqsma oħra tal-Unjoni Ewropea fejn il-Kummissjoni ma għandhiex tali diskrezzjoni unika u fejn allegazzjonijiet tan-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni ma wasslux għad-dikjarazzjoni ta’ talba bħala manifestament inammissibbli.
Il-Qorti Ġenerali injorat il-fatt li l-Kummissjoni ma għandhiex diskrezzjoni unika u assoluta sabiex timplementa l-Istandards Uniformi ta’ saħħa u sigurtà peress li t-Trattat KEEA jiddefinixxi b’mod limitat il-poter ta’ eżenzjoni tagħha u jipprovdi b’mod speċifiku mekkaniżmi għall-individwi sabiex jilmentaw fir-rigward tan-nuqqasijiet amministrattivi tagħha milli taġixxi f’oqsma fejn ġew stabbiliti protezzjonijiet favur tagħhom. Dan jinkludi sitwazzjonijiet fejn ir-rifjut milli tittieħed azzjoni ġie indirizzat lil parti oħra.
(4)
Nuqqas li tikkunsidra jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni milli taġixxi kisirx l-għan stabbilit mit-Trattat KEEA tal-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku.
Il-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll meta naqset milli tistħarreġ jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni milli taġixxi kisirx l-għanijiet tat-Trattat KEEA li jistabbilixxi u li jiżgura l-applikazzjoni ta’ Standards Uniformi ta’ saħħa u sigurtà għall-protezzjoni tal-ħaddiema u tal-pubbliku mill-effetti fit-tul tar-radjazzjoni jonizzanti. Meta għamlet hekk, hija injorat l-obbligu perentorju tal-Kummissjoni taħt it-Trattat KEEA li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat ikunu applikati korrettement, inkluż il-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fih.
(5)
Nuqqas li tikkunsidra jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni kisirx liġi superjuri.
Bl-inkorporazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fil-ġurisprudenza tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta naqset milli tikkunsidra jekk ir-rifjut tal-Kummissjoni milli tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ monitoraġġ mediku tad-Direttiva 96/29 jiksirx l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni billi xjentement poġġiet f’riskju l-ħajja ta’ ħu l-appellanti minħabba n-nuqqas ta’ kontroll u ta’ monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kanċer marbut mar-radjazzjoni fit-tul, bħall-kanċer li qatlu.
(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/EURATOM tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti
ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 291
Full & Egal Universal Law Academy