14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Nürnberg (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Mejju 2010 — Juan Perez Garcia, Jose Arias Neira, Fernando Barrera Castro, Dolores Verdun Espinosa bħala s-suċċessura ta’ Jose Bernal Fernandez vs Familienkasse Nürnberg
(Kawża C-225/10)
2010/C 221/27
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Sozialgericht Nürnberg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Juan Perez Garcia, Jose Arias Neira, Fernando Barrera Castro, Dolores Verdun Espinosa bħala s-suċċessura ta’ Jose Bernal Fernandez
Konvenuta: Familienkasse Nürnberg
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 177(2)(b)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li, fis-sitwazzjonijiet fejn l-Istat ta’ residenza jipprovdi benefiċċju ogħla paragunabbli li, iżda, jiddikjarah inkompatibbli ma’ benefiċċju ieħor li ntagħżel mill-persuna kkonċernata, abbażi tal-għażla offruta lilha, l-Istat ta’ impjieg preċedenti mhuwiex marbut li jagħti benefiċċji tal-familja lill-benefiċjarji ta’ assigurazzjoni tax-xjuħija, ta’ pensjoni ta’ invalidità, ta’ pensjoni ta’ aċċident fuq il-post tax-xogħol jew ta’ pensjoni għal mard ikkaġunat mix-xogħol, fil-każ fejn dawn jirċievu tali benefiċċji abbażi tal-leġiżlazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri (benefiċjarji ta’ żewġ benefiċċji jew iktar) u li d-dritt għal pensjoni tagħhom huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg preċedenti (dritt għal pensjoni nazzjonali)?
(2)
L-Artikolu 78(2)(b)(i) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat ta’ impjieg preċedenti mhuwiex marbut jagħti benefiċċji tal-familja lill-orfni ta’ impjegat jew ta’ ħaddiem li jaħdem għal rasu li miet u li kien suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ diversi Stat Membri u li fir-rigward tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-Istat ta’ impjieg preċedenti jagħtu dritt għal benefiċċju ta’ orfni fittizju (dritt għal benefiċċju nazzjonali potenzjali), fis-sitwazzjonijiet fejn l-Istat ta’ residenza jipprovdi benefiċċju ogħla paragunabbli, iżda li jiddikjarah inkompatibbli ma’ benefiċċju ieħor li ntagħżel mill-persuna kkonċernata abbażi tal-għażla offruta lilha?
(3)
Dan japplika wkoll għall-benefiċċju li jirriżulta mill-Artikolu 77 jew mill-Artikolu 78 tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, liema benefiċċju huwa fil-prinċipju previst fl-Istat ta’ residenza tal-ulied, iżda li ma hemmx il-possibbiltà ta’ għażla fir-rigward tiegħu?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35)
Full & Egal Universal Law Academy