14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/19
Appell ippreżentat fit-18 ta’ Mejju 2010 minn Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fit-2 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-70/05: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
(Kawża C-252/10 P)
2010/C 221/31
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (rappreżentanti: N. Korogiannakis, M. Dermitzakis, Δικηγόροι)
Appellata: L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali.
—
tannulla d-deċiżjoni tal-EMSA li tiċħad l-offerta tal-appellanti sottomessa minnha fil-kuntest tal-proċedura tas-sejħa għal offerti EMSA C-1/01/04, relatata mal-kuntratt intitolat “Validazzjoni ta’ SafeSeaNet u żviluppi futuri”, u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor.
—
tordna lill-EMSA tħallas l-ispejjeż tal-appellanti u spejjeż oħra, inklużi dawk sostnuti b’konnessjoni mal-proċedura inizjali, anki fil-każ li dan l-appell jiġi miċħud, kif ukoll l-ispejjeż ta’ dan l-appell, fil-każ li jintlaqa’.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata minħabba r-raġunijiet li ġejjin:
Fl-ewwel lok, l-appellanti sostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi adottat interpretazzjoni żbaljata tar-Regolament Finanzjarju (1), ir-Regoli għall-Implementazzjoni u d-Direttiva 92/50 (2) u, b’mod partikolari, l-Artikolu 97 tar-Regolament Finanzjarju, l-Artikolu 138 tar-Regoli għall-Implementazzjoni u l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 92/50.
Fit-tieni lok, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi, fil-punt 178 tas-sentenza tagħha, sostniet li peress li ED kellha għarfien dettaljat tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, hija setgħet tiddeduċi l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula. Hawnhekk, il-Qorti Ġenerali tidher li qiegħda tammetti, b’mod impliċitu, li l-informazzjoni pprovduta mill-awtorità kontraenti kienet limitata. Madankollu, minflok annullat id-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni ġdida u kompletament żbaljata tal-obbligu ta’ motivazzjoni inkwantu rabtitu mal-kwalitajiet personali tal-persuna indirizzata minn din id-deċiżjoni. Barra minn hekk, is-suppożizzjoni tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata peress li l-appellanti ma setgħetx (u għadha ma tistax) tifhem il-vantaġġi relattivi (jekk jeżistu) tal-offerent magħżul, b’mod partikolari, peress li l-Qorti Ġenerali ma motivatx suffiċjentement is-sentenza tagħha sabiex jiġu identifikati b’mod ċar.
Fit-tielet lok, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali tidher li qed twettaq żball ta’ liġi billi, fir-rigward tal-motiv dwar żball manifest ta’ evalwazzjoni, hija qed isosstni li l-appellanti limitat l-argumenti tagħha għal dikjarazzjonijiet ġenerali u konsegwentement, naqset milli turi jekk, u b’liema mod, l-allegati żbalji affettwaw ir-riżultat finali tal-evalwazzjoni tal-offerti. Il-Qorti Ġenerali tidher qed tikkontradixxi lilha nnifisha billi tiċħad il-motiv dwar motivazzjoni insuffiċjenti, filwaqt li fl-istess ħin, qed titlob lil ED turi “fid-dettall” kif l-allegati żbalji jirriflettu fir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74)
(2) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322)
Full & Egal Universal Law Academy