11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/16
Appell ippreżentat fil-21 ta’ Mejju 2010 mis-Centre de Coordination Carrefour SNC mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fit-18 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-94/08, Centre de Coordination Carrefour vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-254/10 P)
2010/C 246/28
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellant: Centre de Coordination Carrefour SNC (rappreżentanti: X. Clarebout, C. Docclo u M. Pittie, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat,
—
konsegwentement, tannulla s-sentenza appellata,
—
konsegwentement:
—
jew tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi l-kawża mill-ġdid;
—
jew tiddeciedi l-kawża hija stess b’mod definittiv billi tilqa’ t-talbiet ippreżentati mill-appellant fl-ewwel istanza u tannulla d-deċiżjoni kkontestata (1);
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellant jinvoka ħames aggravji insostenn tal-appell tiegħu.
Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ddeċidiet, minn naħa, li l-appellant ma għandux interess ġuridiku fir-rigward tad-deċiżjoni kkontestata minħabba n-nuqqas ta’ ftehim validu taħt il-liġi Belġjana u, min-naħa l-oħra, li l-ammissibbiltà tar-rikors ma kinitx suġġetta għall-eżistenza ta’ ftehim validu fir-rigward tiegħu. Għaldaqstant, tali motivazzjoni hija kontradittorja, billi l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi fl-istess waqt dwar in-nuqqas ta’ interess ġuridiku minħabba nuqqas ta’ ftehim validu u dwar in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ tali ftehim sabiex tevalwa l-ammissibbiltà tar-rikors.
Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti li ġew esposti lilha, billi ma ħaditx inkusiderazzjoni l-istruttura tal-leġiżlazzjoni Belġjana dwar iċ-ċentri ta’ koordinazzjoni, billi interpretat b’mod żbaljat id-Digriet Irjali Nru 187, tat-30 ta’ Diċembru 1982, dwar it-twaqqif ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni (2), billi żnaturat il-portata tiegħu u billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-ġerarkija tas-sorsi tad-dritt Belġjan. Id-Digriet Irjali inkwistjoni huwa fil-fatt digriet ta’ setgħat speċjali li għandu, fid-dritt Belġjan, l-istess valur legali bħal liġi u jibqa’ dejjem japplika fil-konfront tal-appellant li jibbenefika, konsegwentement, minn ftehim għal perijodu ta’ għaxar snin.
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-appellant jinvoka l-ksur, mill-Qorti Ġenerali, tar-res judicata tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Ġunju 2006, Il-Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni (C-182/03 u C-217/03) sa fejn hija kkunsidrat li l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata permezz ta’ din is-sentenza kien ikollu bħala effett li jipprojbixxi t-tiġdid ta’ ftehim ta’ ċentri ta’ koordinazzjoni minn meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni kkontestata. Issa, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni kkontestata preċiżament minħabba n-nuqqas ta’ perijodi tranżitorji adegwati fir-rigward taċ-ċentri ta’ koordinazzjoni li l-applikazzjoni tagħhom għat-tiġdid tal-ftehim kienet pendenti fid-data meta ġiet innotifikata d-deċiżjoni kkontestata jew li l-ftehim tagħhom skada simultanjament ma’, jew ftit wara, in-notifika tal-imsemmija deċiżjoni.
Permezz tar-raba’ aggravju tiegħu, l-appellant jilmenta fil-konfront tal-Qorti Ġenerali li hija interpretat ħażin il-kunċett ta’ “interess ġuridiku” billi ddeċidiet li r-rikors ippreżentat mill-appellant ma setax, permezz tal-eżitu tiegħu, jipprovdilu benefiċċju, peress li mhuwiex ċert li l-awtoritajiet Belġjani jaċċettaw iż-żamma, wara l-31 ta’ Diċembru 2005, tal-istatus ta’ ċentru ta’ koordinazzjoni tal-appellant fil-każ ta’ annullament tad-deċizjoni kkontestata. Issa, minn naħa, l-awtoritajiet Belġjani ma għandhom ebda setgħa diskrezzjonali f’dan il-każ, billi l-ftehim irid jingħata għal għaxar snin fil-każ li l-kriterji rikjesti mid-Digriet Irjali Nru 187 huma sodisfatti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali kkonstatat hija stess fis-sentenza appellata li l-awtoritajiet Belġjani ma kinux eskludew li jagħtu lill-appellant il-benefiċċju tal-iskema inkwistjoni wara l-31 ta’ Diċembru 2005 u kienu ddeċidew li ma japplikawx fil-konfront tiegħu ebda sanzjoni sakemm tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors tiegħu.
Permezz tal-ħames u l-aħħar aggravju tiegħu, l-appellant isostni fl-aħħar nett li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li miżura tranżitorja ma tistax ikollha effett retroattiv. Fil-fatt, huwa komuni li perijodu tranżitorju jibda jiddekorri minn data preċedenti, speċjalment fil-qasam fiskali.
(1) Deċiżjoni 2008/283/KE tal-Kummissjoni, tat-13 ta’ Novembru 2007, dwar l-iskema ta’ għajnuna implimentata mill-Belġju għaċ-ċentri ta’ koordinazzjoni stabbiliti fil-Belġju u li temenda d-Deċiżjoni 2003/757/KE (ĠU 2008, L 90, p. 7).
(2) Moniteur belge tat-13 ta’ Jannar 1983, p. 502.
Full & Egal Universal Law Academy