31.7.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 209/29
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice (Chancery Division) (Ir-Renju Unit) fis-26 ta’ Mejju 2010 — Commissioners for her Majesty’s Revenue u Customs vs The Rank Group PLC
(Kawża C-260/10)
2010/C 209/40
Lingwa tal-Kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (Chancery Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Commissioners for her Majesty's Revenue u Customs
Konvenuta: The Rank Group PLC
Domandi preliminari
(1)
F’sitwazzjoni fejn, billi għamel użu tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-VAT (1), Stat Membru ssuġġetta għall-VAT ċerti tipi ta’ magni li jintużaw għal-logħob tal-flus (iktar ’il quddiem “il-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III”), filwaqt li żamm fis-seħħ l-eżenzjoni ta’ magni oħra ta’ dan it-tip (fosthom it-terminali tal-imħatri bi prezz fiss, iktar ’il quddiem il-‘FOBT’), u f’sitwazzjoni fejn huwa allegat li dan l-Istat b’hekk kiser il-prinċipju tan-newtralità fiskali, għandu jiġi kkunsidrat bħala:
(i) determinanti jew (ii) rilevanti, fil-kuntest tal-paragun bejn il-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III u l-FOBT,
(a)
il-fatt li l-FOBT ipproponew attivitajiet ta’ “imħatri” fis-sens tad-dritt nazzjonali (jew attivitajiet li l-awtorità regolatorja kompetenti kienet ippreparata, fil-kuntest tas-setgħat regolatorji tagħha, tittrata bħala “imħatri” fis-sens tad-dritt nazzjonali) u
(b)
il-fatt li l-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III ipproponew attivitajiet li jaqgħu taħt kategorija oħra fid-dritt nazzjonali, jiġifieri ta’ “logħob”, u l-fatt li l-logħob u l-imħatri kienu suġġetti għal sistemi regolatorji differenti mil-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru dwar il-kontroll u r-regolament tal-logħob tal-flus? Jekk dan huwa minnu, liema huma d-differenzi bejn is-sistemi inkwistjoni li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni?
(2)
Waqt l-analiżi ta’ jekk il-prinċipju tan-newtralità fiskali jeħtieġx li jiġi applikat l-istess trattament fiskali lit-tipi ta’ magni msemmija fl-ewwel domanda (FOBT u l-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III), liema grad ta’ astrazzjoni għandu jiġi adottat mill-qorti nazzjonali għad-determinazzjoni ta’ jekk il-prodotti humiex simili? B’mod partikolari, sa fejn għandhom jiġu kkunsidrati l-elementi li ġejjin:
(a)
ix-xebh u d-differenzi fir-rigward tal-limiti tal-ammonti milgħuba permessi u tal-premji bejn il-FOBT u l-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III;
(b)
il-fatt li l-FOBT ma jistgħux jintużaw ħlief f’ċerti postijiet li għandhom liċenzja għall-imħatri u li huma differenti u huma suġġetti għal sistema regolatorja differenti minn dawk il-postijiet li għandhom liċenzja għal-logħob, (minkejja li l-FOBT u sa żewġ magni tal-logħob fis-sens tal-parti III jistgħu jintużaw flimkien fil-postijiet li għandhom liċenzja għall-imħatri);
(c)
il-fatt li ċ-ċans ta’ rebħ fuq il-FOBT huma direttament marbuta mar-rata ta’ rebħ fissa ppubblikata, filwaqt li ċ-ċans ta’ rebħ fuq magna tal-logħob fis-sens tal-parti III jista’, f’ċerti każijiet, jiġi emendat permezz ta’ apparat li jiggarantixxi fuq żmien twil perċentwali ta’ ħlas determinat lill-operatur u għal min jilgħab;
(d)
ix-xebh u d-differenzi bejn il-formats disponibbli fuq il-FOBT u fuq il-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III;
(e)
ix-xebh u d-differenzi bejn il-FOBT u l-magni tal-logħob fis-sens tal-parti III fir-rigward tal-interazzjoni bejn min jilgħab u l-magna;
(f)
jekk il-punti evokati iktar ’il fuq kinux magħrufa mill-ġeneralità ta’ min jilgħab fuq il-magni inkwistjoni jew jekk kinux jikkunsidrawhom bħala rilevanti jew importanti;
(g)
jekk id-differenza ta’ trattament fir-rigward tal-VAT hijiex ġustifikata minn kwalunkwe element evokat iktar ’il fuq?
(3)
F’sitwazzjoni fejn, billi għamel użu tas-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu skont l-Artikolu 13B(f) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, Stat Membru eżenta l-logħob tal-flus mill-VAT, minkejja li ssuġġetta għal din tal-aħħar kategorija determinata ta’ magni sabiex jintlagħab il-logħob tal-flus,
(a)
Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jiddefendi ruħu bid-difiża ta’ diliġenza kontra lment ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali minn dan l-Istat Membru u,
(b)
jekk dan huwa minnu, liema huma l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Istat Membru għandux jew le dritt jinvoka din id-difiża?
(1) Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas- 17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23).
Full & Egal Universal Law Academy