28.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 234/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Gorj (ir-Rumanija) fis-27 ta’ Mejju 2010 — Iulian Andrei Nisipeanu vs Direcția Generală a Finanțelor Publice Gorj, Administrația Finanțelor Publice Tîrgu Cărbunești u Administrația Fondului pentru Mediu
(Kawża C-263/10)
2010/C 234/35
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Tribunalul Gorj
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Iulian Andrei Nisipeanu
Konvenuti: Direcția Generală a Finanțelor Publice Gorj, Administrația Finanțelor Publice Tîrgu Cărbunești u Administrația Fondului pentru Mediu
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li t-taxxi interni diskriminatorji pprojbiti minnu jinkludu wkoll it-taxxa rregolata mil-leġiżlazzjoni Rumena permezz tad-Digriet ta’ urġenza tal-Gvern Rumen Nru 50, tal-25 ta’ April 2008, dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tniġġis ta’ vetturi bil-mutur (Ordonanța de Urgență Nr. 50/2008 din 25 aprilie 2008 pentru instituirea taxei pe poluare pentru autovehicule, iktar ’il quddiem id-“DUG Nru 50/2008”), kif emendat bid-Digriet ta’ urġenza Nru 208 tat-8 ta’ Diċembru 2008 (Ordonanța de Urgență numărul 208 din 08 decembrie 2008), id-Digriet ta’ urgenza Nru 218 tal-11 ta’ Diċembru 2008 (Ordonanța de Urgență numărul 218 din 11 decembrie 2008), id-Digriet ta’ urġenza Nru 7 tad-19 ta’ Frar 2009 (Ordonanța de Urgență numărul 7 din 19 februarie 2009) u d-Digriet ta’ urġenza Nru 117 tat-30 ta’ Diċembru 2009 (Ordonanța de Urgență numărul 117 din 30 decembrie 2009)?
(2)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lir-Rumanija tintroduċi, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha permezz tad-DUG Nru 50/2008 iċċitat iktar ’il fuq, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2008, il-kriterju ta’ “l-ewwel reġistrazzjoni fir-Rumanija”, skont l-Artikolu 4(a) tal-imsemmi digriet, u dan il-kriterju huwa rekwiżit oġġettiv skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat?
(3)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jawtorizza lir-Rumanija, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, tapplika, mill-1 ta’ Lulju 2008, it-taxxa fuq it-tniġġis ta’ vetturi second hand importati mill-Unjoni Ewropea jew li jiġu minn akkwisti intra-Komunitarji u rreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija, filwaqt li teżenta l-vetturi second hand akkwistati fir-Rumanija?
(4)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jippermetti lir-Rumanija tagħti, skont il-leġiżlazzjoni ċċitata, l-eżenzjoni mill-ħlas tat-taxxa fuq it-tniġġis esklużivament għall-“vetturi bil-mutur tal-kategorija M1 bi klassi ta’ tniġġis Euro 4, b’ċilindrata mhux ogħla minn 2 000 ċentimetru kubiku u [għall-] vetturi bil-mutur kollha tal-kategorija N1 bi klassi ta’ tniġġis Euro 4, irreġistrati għall-ewwel darba fir-Rumanija jew fi Stati Membri oħra tal-Unjoni Ewropea matul il-perijodu bejn il-15 ta’ Diċembru 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009”, filwaqt li ma tagħtix din l-eżenzjoni lill-vetturi ġodda b’karatteristiċi differenti minn dawk indikati?
(5)
L-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lir-Rumanija tipproteġi l-industrija awtomobilistika nazzjonali tagħha, ġaladarba t-taxxa fuq it-tniġġis titħallas biss għall-vetturi bil-mutur second hand li jġorru l-passiġġieri importati minn Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea u rreġistrati f’dak l-Istat Membru jew li huma s-suġġett ta’ akkwist intra-Komunitarju, filwaqt li mhijiex dovuta fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur second hand li jġorru l-passiġġieri diġà rreġistrati fir-Rumanija u li tqegħdu mill-ġdid għall-bejgħ fit-territorju tagħha?
(6)
Fiċ-ċirkustanzi indikati iktar ’il fuq, it-taxxa inkwistjoni tikkostitwixxi taxxa ta’ natura diskriminatorja, ipprojbita mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 110 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-każ li l-kriterju ta’ “l-ewwel reġistrazzjoni fir-Rumanija” previst mill-Artikolu 4(a) tad-DUG Nru 50/2008 ma jistax jitqies oġġettiv meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan iddikjarat li tiġi introdotta taxxa fuq it-tniġġis, b’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”, u li t-taxxa, marbuta ma’ dan il-kriterju, tipproteġi l-produzzjoni nazzjonali tal-vetturi bil-mutur ġodda li jġorru l-passiġġieri kif ukoll is-suq intern tal-vetturi bil-mutur second hand li jġorru l-passiġġieri?
Full & Egal Universal Law Academy