28.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 234/24
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fis-7 ta’ Ġunju 2010 — Maribel Dominguez vs Centre informatique du Centre Ouest Atlantique, Préfet de la région Centre
(Kawża C-282/10)
2010/C 234/39
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour de cassation
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Maribel Dominguez
Konvenuti: Centre informatique du Centre Ouest Atlantique, Préfet de la région Centre
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiki nazzjonali li jipprevedu li d-dritt għall-leave annwali huwa suġġett għal minimu ta’ xogħol effettiv ta’ għaxart ijiem (jew xahar) matul il-perijodu ta’ riferiment?
(2)
Jekk iva, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE li joħloq obbligu partikolari għal min iħaddem, sa fejn jagħti dritt għal leave bil-ħlas għall-benefiċċju tal-ħaddiem li huwa assenti għal raġunijiet ta’ saħħa matul perijodu ugwali jew itwal minn sena, jobbliga lill-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq kawża bejn individwi, li twarrab dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja, li f’dan il-każ tissuġġetta d-disponibbiltà tad-dritt għal-leave bil-ħlas annwali għal xogħol effettiv ta’ mill-inqas għaxart ijiem matul is-sena ta’ riferiment?
(3)
Sa fejn l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE ma jagħmel ebda distinzjoni bejn il-ħaddiema skont jekk l-assenza tagħhom mix-xogħol matul il-perijodu ta’ riferiment hijiex dovuta għal inċident fuq il-post tax-xogħol, mard ikkaġunat mix-xogħol, inċident tal-ivjaġġar jew mard mhux ikkaġunat mix-xogħol, il-ħaddiema għandhom, bis-saħħa ta’ dan it-test, dritt għal-leave bil-ħlas għal perijodu identiku irrispettivament mill-oriġini tal-assenza tagħhom għal raġunijiet ta’ saħħa, jew inkella dan it-test għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-perijodu tal-leave bil-ħlas jista’ jkun differenti skont l-oriġini tal-assenza tal-ħaddiem, sa fejn f’ċerti ċirkustanzi l-liġi nazzjonali tipprevedi perijodu ta’ leave bil-ħlas għola mill-perijodu minimu ta’ erba’ ġimgħat previst mid-direttiva?
(1) Id-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta' Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol 4, p. 381).
Full & Egal Universal Law Academy