11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/20
Appell ippreżentat fl-10 ta’ Ġunju 2010 minn European Dynamics SA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) mogħtija fid-19 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża T-50/05, Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-289/10 P)
2010/C 246/35
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: European Dynamics SA (rappreżentant: N. Korogiannakis, Avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni (DĠ Intaxxar u Unjoni Doganali) li tiċħad l-offerta tal-appellanti, imressqa wara sejħa għal offerti TAXUD/2004/AO-004 għall-“Ispeċifikazzjoni, żvilupp, manutenzjoni, u sostenn ta’ sistemi telematiċi ta’ sorveljanza tal-moviment ta’ prodotti suġġetti għas-sisa ġewwa l-Komunità Ewropea inkonformità mas-sistema ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa (EMCS-DEV)” (ĠU 2004/S 139-118603) u tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tal-appellanti inklużi dawk sostnuti fil-proċedura inizjali, u dan anki jekk dan l-appell jiġi miċħud, kif ukoll dawk ta’ dan l-appell, fil-każ li dan jintlaqa’.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tissottometti li s-sentenza appellata għandha tiġi annullata għal dawn ir-raġunijiet:
Fl-ewwel lok, minħabba li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, meta adottat interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 89(1) tar-Regolament Finanzjarju u tal-prinċipji tat-trattament ugwali, tan-nondiskriminazzjoni, tat-trasparenza u tal-kompetizzjoni libera, meta ċaħdet il-motiv tal-appellant li żewġ tipi ta’ informazzjoni teknika li kienu meħtieġa għall-formulazzjoni tal-offerti għall-kuntratt inkwistjoni, jiġifieri l-ispeċifikazzjonijiet eżatti għall-EMCS u s-sors tal-kodiċi u l-għamla u d-dokumentazjoni teknika għall-NCTS ma ġewx ipprovduti għad-dispożizzjoni tal-appellanti.
Fit-tieni lok, l-appellanti tissottometti li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkonkludiet li l-motivazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni ppermettiet lill-appellanti tinforza d-drittijiet tagħha. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li d-DĠ TAXUD għadda lill-appellanti informazzjoni suffiċjenti li “ppermettiet lir-rikorrenti sabiex tinforza d-drittijiet tagħha u lill-Qorti Ġenerali sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha”.
Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żbaljat fil-punti 102-116 tas-sentenza meta kkunsidrat li l-appellanti ma ssostanzjatx il-pretensjoni tagħha li l-kriterji tal-għoti tal-kuntratt kienu “vagi u suġġettivi”. L-appellanti tikkunsidra, speċjalment fid-dawl tal-inċertezza sħiħa fir-rigward tal-estent tax-xogħol u l-grad tal-użu mill-ġdid potenzjali tal-NCTS meħtieġa mill-awtorità kontraenti, li l-Artikolu 97(1) tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 17(1) tad-Direttiva 92/50 (1) ġew miksura.
Fl-aħħar nett, l-appellanti tikkunsidra li jidher li l-Qorti Ġenerali għamlet żball ta’ liġi meta ddikjarat, fir-rigward tal-motiv dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-appellanti llimitat l-argumenti tagħha għal asserzjonijiet ġenerali u konsegwentement naqset milli turi jekk, u b’liema mod, l-allegati żbalji affettwawx l-eżitu finali tal-evalwazzjoni tal-offerent.
(1) Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE tat-18 ta’ Ġunju 1992 relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322
Full & Egal Universal Law Academy