14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/29
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Lietuvos Vyriausiasis Administracinis Teismas (Il-Litwanja) fil-15 ta’ Ġunju 2010 — Genovaitė Valčiukienė, Julija Pekelienė, visuomeninė organizacija Lietuvos žialiųjų judėjimas, Petras Girinskis u Lauryinas Arimantas Lašas vs Pakruojo rajono savivaldybės taryba, Šiaulių visuomenės sveikatos centras u Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas
(Kawża C-295/10)
2010/C 221/47
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos Vyriausiasis Administracinis Teismas (Il-Litwanja)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Genovaitė Valčiukienė, Julija Pekelienė, visuomeninė organizacija Lietuvos žialiųjų judėjimas, Petras Girinskis u Lauryinas Arimantas Lašas.
Konvenuti: Pakruojo rajono savivaldybės taryba, Šiaulių visuomenės sveikatos centras u Šiaulių regiono aplinkos apsaugos departamentas.
Partijiet imsejħa fil-kawża: UAB Sofita, UAB Oltas, Šiaulių apskrities viršininko administracija, Rimvydas Gasparavičius u Rimantas Pašalžkinskas.
Domandi preliminari
(1)
Il-fatt li ġie stabbilit li ma hemmx bżonn ta’ stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent għal dokumenti marbuta mal-ippjanar tal-art fuq livell lokali li jirrigwarda biss attività ekonomika waħda, kif previst fil-leġiżlazzjoni Litwana u b’mod partikolari fil-punt 3.4 tad-Digriet Nru 967 tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja, tat-18 ta’ Awwissu 2004, “li jadotta l-qafas li jirregola l-proċedura għal stima strateġika tal-effetti tal-pjanijiet u programmi fuq l-ambjent”, jista’ jitqies bħala speċifikazzjoni tat-tipi ta’ pjanijiet u programmi fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2001, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent (1)?
(2)
Id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli f’din il-kawża, li abbażi tagħhom, mingħajr ma jiġi ddeterminat każ b’każ jekk il-proġett jistax ikollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent, ma hemmx bżonn li ssir stima strateġika tal-effetti fuq l-ambjent tad-dokumenti tal-ippjanar tal-art li jiddeterminaw żoni żgħar fuq livell lokali, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, meta dawn il-pjanijiet jirrigwardaw biss attività ekonomika waħda, huma kompatibbli mar-rekwiżiti tal-Artikoli 3(2)(a), 3 u 5 tad-Direttiva 2001/42?
(3)
Id-Direttiva 2001/42, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li, f’sitwazzjonijiet bħal dawk f’din il-kawża, meta stima dwar l-impatt fuq l-ambjent issir skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (2), ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 mhumiex applikabbli?
(4)
Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42 jinkludi d-Direttiva 85/337?
(5)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għar-raba’ domanda, il-fatt li saret stima skont id-Direttiva 85/337 jfisser li l-obbligu li ssir stima tal-effetti fuq l-ambjent skont id-Direttiva 2001/42 għandha, fis-sitwazzjoni bħal dik f’din il-kawża, titqies bħala stima doppja fis-sens tal-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2001/42?
(6)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ħames domanda, id-Direttiva 2001/42, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tagħha, timponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu fid-dritt nazzjonali tagħhom proċeduri koordinati jew komuni ta’ stima skont ir-rekwiżiti tad-Direttiva 2001/42 u tad-Direttiva 85/337 sabiex tiġi evitata stima doppja?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 6, p. 157
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248
Full & Egal Universal Law Academy