11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/21
Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Ġunju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropeja vs Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
(Kawża C-301/10)
2010/C 246/36
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropeja (rappreżentanti: S. Pardo Quintillán, Aġent, A.-A. Gilly, Aġent)
Konvenuti: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq
Talbiet tar-rikorrenti
—
Taqta’ u tiddeċiedi li, billi naqas milli jiżgura li sistemi ta’ ġbir xierqa, skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Anness I (A) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (1), jiġu implementati f’Whitburn kif ukoll fis-sistemi ta’ ġbir ta’ Beckton u ta’ Crossness f’Londra, u milli jiżgura li jkun hemm it-trattament xieraq fir-rigward tal-ilma mormi mill-impjanti tat-trattament tal-ilma mormi ta’ Beckton, Crossness u Mogden f’Londra, skont l-Artikolu 4(1) u (3), l-Artikolu 10 u l-Anness I (B) tad-Direttiva, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt dawn id-dispożizzjonijiet.
—
tikkundanna lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 3(1) u (2) u l-Anness I (A) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, ir-Renju Unit huwa marbut jiżgura li jiġu pprovduti sistemi ta’ ġbir għall-agglomerazzjonijiet kollha li għandhom iktar minn 15 000 popolazzjoni ekwivalenti sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000, u li dawn is-sistemi ta’ ġbir jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Anness I (A) tad-Direttiva. Skont l-Artikolu 4(1) u (3) u l-Anness I (B) ta’ din id-direttiva, ir-Renju Unit huwa marbut ukoll jiżgura li l-ilma urban mormi li jidħol fis-sistemi ta’ ġbir ikun suġġett, qabel ma jiġi skarigat, għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti ieħor fir-rigward tal-iskarigi kollha minn agglomerazzjonijiet li għandhom iktar minn 15 000 popolazzjoni ekwivalenti sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000, u li l-iskarigi minn impjanti tat-trattament tal-ilma mormi jissodisfaw r-rekwiżiti imposti fuq l-iskarigi minn impjanti tat-trattament tal-ilma fl-ilmijiet li jirċevuhom.
Peress li r-Renju Unit juża sistema komuni ta’ ġbir kemm għall-ilma urban mormi u kif ukoll għall-ilma tax-xita fiż-żona ta’ Londra, din is-sistema għandha tiġi ddisinjata b’mod li tiżgura li l-ilma miġbur jinżamm u jiġi ttrattat skont ir-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva. Ir-Renju Unit naqas milli jiżgura li s-sistemi ta’ ġbir huma ddisinjati u mibnija b’mod li jiġbru l-ilma urban mormi kollu ġġenerat mill-agglomerazzjonijiet li jaqdu, u li dan jiġi ttrattat. Il-kapaċità tas-sistema ta’ ġbir għandha tkun tali li tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet tal-klima naturali u l-varjazzjonijiet marbuta mal-istaġun. Ir-Renju Unit kiser ir-rekwiżiti tad-Direttiva peress li naqas milli jipprovdi sistemi ta’ ġbir xierqa u kif ukoll impjanti ta’ trattament xierqa f’Londra u f’Whitburn, u billi ppermetta li kwantitajiet eċċessivi ta’ ilma mormi mhux ittrattat jinxterdu fl-ambjent mingħajr trattament.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.
Full & Egal Universal Law Academy