14.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 221/31
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Højesteret (id-Danimarka) fit-18 ta’ Ġunju 2010 — Infopaq International A/S vs Danske Dagblades Forening
(Kawża C-302/10)
2010/C 221/49
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Højesteret (id-Danimarka)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Infopaq International A/S
Konvenuta: Danske Dagblades Forening
Domandi preliminari
(1)
Sabiex att ta’ riproduzzjoni jkun jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi “parti integrali u essenzjali tal-proċess teknoloġiku” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 (1), għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-istadju tal- proċess teknoloġiku meta dan iseħħ?
(2)
Att ta’ riproduzzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala “parti integrali u essenzjali tal-proċess tekonoloġiku” jekk jikkonsisti fl-iscanning ta’ artikli sħaħ ta’ pubblikazzjonijiet, operazzjoni li ssir manwalment u li permezz tagħha l-imsemmija artikli, informazzjoni stampata, jiġu kkonvertiti f’data diġitali?
(3)
Il-kunċett ta’ “użu legali” fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi kkunsidrat li jirrigwarda kull forma ta’ użu li ma jeħtieġx il-kunsens tal-proprjetarju tad-drittijiet tal-awtur?
(4)
Il-fatt li impriża tiddiġitalizza, permezz tal-iscanning, l-artikli kollha tal-pubblikazzjonijiet, liema operazzjoni tiġi segwita minn ipproċessar tar-riproduzzjoni, għall-attivitajiet ta’ redazzjoni ta’ sunti ta’ din l-impriża, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li huwa kopert mill-kunċett ta’ “użu legali” previst fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, anki jekk il-proprjetarji tad-drittijiet tal-awtur ma jkunux taw il-kunsens tagħhom għal dawn l-atti, fil-każ fejn il-kundizzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa minn din id-dispożizzjoni huma preżenti?
Il-fatt li ħdax-il kelma jinħażnu wara li jkun intemm il-proċess tal-kisba tad-data huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda?
(5)
Skont liema kriterji għandu jiġi evalwat jekk atti ta’ riproduzzjoni provviżorji għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jkunu ġew sodisfatti?
(6)
Il-vantaġġ fl-effiċjenza li jirriżulta, favur l-utent, mill-użu ta’ atti ta’ riproduzzjoni provviżorji għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk l-atti għandhomx “sinifikat ekonomiku indipendenti” fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2001/29?
(7)
Il-fatt li impriża tiddiġitalizza, permezz tal-iscanning, l-artikli kollha tal-pubblikazzjonijiet, liema operazzjoni tiġi segwita minn ipproċessar tar-riproduzzjoni, jista’ jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ taħt “ċerti każi speċjali li ma jmorrux kontra l-isfruttament normali” tal-imsemmija artikli li “ma jippreġudikawx bla raġuni l-interessi leġittimi [tal-proprjetarju] tad-drittijiet” fis-sens tal-Artikolu 5(5) tad-Direttiva 2001/29, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 tagħha huma preżenti?
Il-fatt li ħdax-il kelma jinħażnu wara li jkun intemm il-proċess tal-kisba tad-data huwa rilevanti għar-risposta li għandha tingħata lil din id-domanda?
(1) Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230)
Full & Egal Universal Law Academy