11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/28
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (Civil Division) (England & Wales) fil-5 ta’ Lulju 2010 — Medeva BV vs Comptroller-General of Patents
(Kawża C-322/10)
2010/C 246/48
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
Court of Appeal (Civil Division) (England & Wales)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Medeva BV
Konvenut: Comptroller-General of Patents
Domandi preliminari
1)
Ir-Regolament Nru 469/2009 (1) (iktar ’il quddiem “ir-Regolament”) jirrikonoxxi, fost l-għanijiet l-oħra identifikati fil-premessi, in-neċessità li l-għoti ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari minn kull Stat Membru tal-Komunità lid-detenturi ta’ privattivi nazzjonali jew Ewropej isir taħt l-istess kundizzjonijiet, kif muri fil-premessi 7 u 8. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni Komunitarja tal-liġi dwar il-privattivi, x’sens għandha tingħata lill-frażi “il-prodott ikun protett minn privattiva bażika fis-seħħ” fl-Artikolu 3(a) tar-Regolament, u liema huma l-kriterji biex jiġi ddeterminat jekk dan huwa hekk?
2)
F’kawża bħal din inkwistjoni li tinvolvi prodott mediċinali magħmul minn iktar minn ingredjent attiv wieħed, huwa xieraq li jintużaw kriterji addizzjonali jew differenti għad-determinazzjoni ta’ jekk “il-prodott ikun[x] protett minn privattiva bażika” jew le fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament, u jekk iva, liema huma dawn il-kriterji addizzjonali jew differenti?
3)
F’kawża bħal din inkwistjoni li tinvolvi tilqima għal numru ta’ mard, huwa xieraq li jintużaw kriterji addizzjonali jew differenti għad-determinazzjoni ta’ jekk “il-prodott ikun[x] protett minn privattiva bażika” jew le fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament, u jekk iva, liema huma dawn il-kriterji addizzjonali jew differenti?
4)
Għall-finijiet tal-Artikolu 3(a), tilqima għal numru ta’ mard li tkun magħmula minn diversi antiġeni hija “protett[a] minn privattiva bażika” jekk wieħed mill-antiġeni tat-tilqima huwa “protett mill-privattiva bażika fis-seħħ”?
5)
Għall-finijiet tal-Artikolu 3(a), tilqima għal numru ta’ mard li tkun magħmula minn diversi antiġeni hija “protett[a] minn privattiva bażika” jekk l-antiġeni kollha li huma diretti kontra marda waħda jkunu “protetti mill-privattiva bażika fis-seħħ”?
6)
Ir-Regolament, u b’mod partikolari l-Artikolu 3(b) tiegħu, jippermettu l-għoti ta’ ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal ingredjent attiv wieħed jew għal kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi meta:
a)
privattiva bażika fis-seħħ tipproteġi l-ingredjent attiv wieħed jew il-kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi fis-sens tal-Artikolu 3(a) tar-Regolament ĊPS; u meta
b)
prodott mediċinali li fih l-ingredjent attiv wieħed jew il-kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi assoċjati ma’ wieħed jew iktar mill-ingredjenti attivi oħra jkun is-suġġett ta’ awtorizzazzjoni valida maħruġa skont id-Direttiva 2001/83/KE (2) jew id-Direttiva 2001/82/KE (3), li hija l-ewwel awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq li ppermettiet l-kummerċjalizzazzjoni tal-ingredjent attiv wieħed jew tal-kombinazzjoni ta’ ingredjenti attivi?
(1) Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas- 6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (ĠU L 152, p. 1).
(2) Direttiva 2001/83/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 69).
(3) Direttiva 2001/82/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Novembru 2001, dwar il-kodiċi tal-Komunità rigward il-prodotti mediċinali veterinarji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy