11.9.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 246/30
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ġunju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika ta’ Ċipru
(Kawża C-340/10)
2010/C 246/51
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: Georgios Zavvos u Donatella Recchia)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta’ Ċipru
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara li:
—
ir-Repubblika ta’ Ċipru, billi ma inkludietx is-sit tal-Lag ta’ Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ siti proposti ta’ importanza għall-Komunità (iktar ’il quddiem is-“SpIKs”), naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43/KEE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;
—
ir-Repubblika ta’ Ċipru, billi ttollerat attivitajiet li jqiegħdu l-karatteristiċi ekoloġiċi tal-Lag ta’ Paralimni f’riskju serju, u billi ma adottax il-miżuri neċessarji għall-ħarsien tal-preservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi Natrix natrix cypriaca, li tirrappreżenta l-interess ekoloġiku tal-Lag Paralimni u tad-diga ta’ Xyliatos, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawżi C-117/03 u C-244/05;
—
billi ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett tal-Natrix natrix cypriaca, ir-Repubblika ta’ Ċipru naqset milli twettaq l-obbligi taħt taħt l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
—
tikkundanna lir-Repubblika ta’ Ċipru għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika ta’ Ċipru, billi ma inkludietx iż-żona kollha tal-Lag ta’ Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIKs sa Diċembru 2009, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa. Ir-Repubblika ta’ Ċipru ma kkontestatx il-ħtieġa li jiġi inkluż il-Lag ta’ Paralimni fost is-SpIKs. Madankollu, il-lag ma kienx inkluż fil-lista nazzjonali ta’ SpIKs qabel l-iskadenza tat-terminu ffissat fl-opinjoni motivata. Fl-24 ta’ Novembru 2009 ir-Repubblika ta’ Ċipru informat lill-Kummissjoni li l-Lag ta’ Paralimni kien uffiċjalment inkluż fin-netwerk “Natura 2000”, iżda l-importanti tarf tat-tramuntana tal-lag ma ġietx inkluża fis-SpIKs. Fl-24 ta’ April 2009 l-emenda tal-Pjan Lokali tal-Parlament kienet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika ta’ Ċipru, emenda li kienet bidlet it-tarf tat-tramuntana tal-lag f’żona residenzjali. Il-Kummissjoni ssostni l-ebda limitazzjoni għall-estensjoni tal-habitat mhija ġġustifikata u li r-Repubblika ta’ Ċipru, billi ma inkludietx iż-żona kollha tal-Lag ta’ Paralimni fil-lista nazzjonali ta’ SpIKs, kisret l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 92/43/KEE.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li ċerti attivitajiet dannużi mwettqa fiż-żona tal-Lag ta’ Paralimni (b’mod partikolari t-teħid illegali ta’ ilma, l-iżvilupp residenzjali, it-tlielaq bil-muturi u l-preżenza ta’ art għall-isparar) jiddegradaw u jikkawżaw dannu l-habitat tal-ispeċi u li, konsegwentement, ir-Repubblika ta’ Ċipru, billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa għall-ħarsien tal-popolazzjoni tal-ispeċi Natrix natrix cypriaca, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa kif interpretata fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (fil-Kawżi C-117/03 u C-244/05).
Ma’ dan, il-Kummissjoni ssostni li, minħabba attivitajiet bħall-iżvilupp residenzjali fiż-żona u s-separazzjoni ta’ biċċiet ta’ art fit-tarf tat-tramuntana tal-Lag ta’ Paralimni, l-habitat tal-ispeċi endemika u tal-popolazzjoni tagħha ġew affettwati ħażin. Konsegwentement, ir-Repubblika ta’ Ċipru, billi ma adottatx il-miżuri meħtieġa sabiex tistabbilixxi sistema ta’ ħarsien strett tas-serp tal-ilma Natrix natrix cypriaca, permezz tal-applikazzjoni ta’ “miżuri preventivi koerenti u koordinati”, tonqos milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/43/KE, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa.
Full & Egal Universal Law Academy