28.8.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 234/29
Rikors ippreżentat fis-7 ta Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-343/10)
2010/C 234/47
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentant: S. Pardo Quintillán, aġent)
Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja, billi ma żgurax:
—
il-ġbir tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 15 000 ruħ ta’ Valle de Güimar, Noreste (Valle Guerra), Valle de la Orotava, Arenys de Mar, Alcossebre y Cariño skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/271/KEE (1) u,
—
it-trattament tal-ilma urban mormi minn agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 15 000 ruħ ta’ Arroyo de la Miel, Arroyo de la Víbora, Estepota (San Pedro de Alcántara), Alhaurín el Grande, Coín, Barbate, Chipiona, Isla Cristina, Matalascañas, Nerja, Tarifa, Torrox Costa, Vejer de la Frontera, Gijón-Este, Llanes, Valle de Güimar, Noreste (Valle Guerra), Los Llanos de Aridane, Arenys de Mar, Pineda de Mar, Ceuta, Alcossebre, Benicarló, Elx (Arenales), Peñíscola, Teulada Moraira (Rada Moraira), Vinaròs, A Coruña, Cariño, Tui, Vigo, Aguiño Carreira-Ribeira, Baiona, Noia, Santiago, Viveiro e Irán (Hondarribia) skond l-Artikolu 4(1), (3) u jekk ikun il-każ, (4) tad-direttiva
naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva 91/271/KEE;
—
tikkundanna lir-Repubblika tas-Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skont l-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271/KEE, l-agglomerazzjonijiet li għandhom popolazzjoni ekwivalenti ta’ iktar minn 15 000 ruħ għandhom ikunu pprovduti b’sistemi ta’ ġbir u jissuġġettaw għal trattament sekondarju jew għal proċess ekwivalenti l-ilma mormi urban sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2000.
Skont l-Artikolu 3(2) tad-direttiva, is-sistemi ta’ ġbir tal-ilma urban mormi għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fis-Sezzjoni A tal-Anness I.
Rigward l-obbligi ta’ trattament tal-ilma urban mormi, l-Artikolu 4(1) tad-direttiva jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jiżguraw li ilma mormi urban li jidħol f’sistemi ta’ ġbir ikun suġġett, qabel ma jkun skarikat, għal trattament sekondarju jew trattament ekwivalenti.
Skont l-Artikolu 4(3), skariki minn impjanti ta’ trattament għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti rilevanti tas-Sezzjoni B tal-Anness I. Min-naħa tagħha, is-Sezzjoni B tal-Anness I tirreferi għar-rekwiżiti li jinsabu fit-Tabella I tal-istess anness. Fl-aħħar nett, il-proċeduri ta’ kontroll stabbiliti fis-Sezzjoni D tal-Anness I jippermettu li jiġi vverifikat jekk l-iskariki tal-impjanti ta’ trattament tal-ilma urban mormi jissodisfawx ir-rekwiżiti tas-Sezzjoni B tal-Anness I.
Fir-rigward tat-38 agglomerazzjoni kkonċernati ir-Renju ta’ Spanja ma żġurax l-ossservanza tar-rekwiżiti previsti mid-direttiva.
(1) Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1991, dwar it-trattament tal-ilma urban mormi
ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2. p 26
Full & Egal Universal Law Academy