6.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/6
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Taljana
(Kawża C-379/10)
2010/C 301/08
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: L. Pignataro u M. Nolin, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li meta eskludiet kull responsabbiltà tal-Istat Taljan għad-danni kkawżati lill-individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil organu ġudizzjarju nazzjonali tal-aħħar istanza, sa fejn tali ksur jirriżulta minn attività ta’ interpretazzjoni ta’ regoli ta’ dritt jew minn evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ provi mwettqa minn tali organu ġudizzjarju, u mil-limitazzjoni ta’ tali responsabbiltà biss għall-każijiet ta’ frodi jew ta’ nuqqas serju, abbażi tal-Artikolu 2(l) u (2) tal-Liġi Taljana Nru 117, tat-13 ta’ April 1988, ir-Repubblika Taljana naqset mill-obbligi tagħha skont il-prinċipju ġenerali tar-responsabbiltà tal-Istati pproklamat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha għal ksur tad-dritt tal-Unjoni min-naħa ta’ wieħed mill-organi ġudizzjarji tal-aħħar istanza tagħhom, liema prinċipju huwa stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni.
—
tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Liġi Nru 117 tat-13 ta’ April 1988, dwar il-ħlas tad-danni kkawżati fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji u r-responsabbiltà ċivili tal-Maġistrati teskludi kull responsabbiltà tal-Istat Taljan għad-danni kkawżati lill-individwi b’riżultat ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni attribwibbli lil organu ġudizzjarju nazzjonali tal-aħħar istanza, sa fejn tali ksur jirriżulta minn attività ta’ interpretazzjoni ta’ regoli ta’ dritt jew minn evalwazzjoni ta’ fatti u ta’ provi mwettqa minn tali organu ġudizzjarju. Barra minn hekk, din tillimita tali responsabbiltà biss għall-każijiet ta’ frodi jew ta’ nuqqas serju.
Fis-sentenza Traghetti, mogħtija fil-Kawża C-173/03 (1), il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li:
“Id-dritt Komunitarju jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi, b’mod ġenerali, ir-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru għad-danni kkawżati lill-persuni minn ksur tad-dritt Komunitarju li huwa attribwit lil qorti ta’ l-aħħar istanza minħabba l-fatt li dan il-ksur in kwistjoni jirriżulta minn interpretazzjoni tar-regoli ta’ dritt jew minn evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi mwettqa minn din il-qorti.
Id-dritt Komunitarju jipprekludi wkoll leġiżlazzjoni nazzjonali li tillimita din ir-responsabbiltà għall-każijiet biss ta’ frodi u ta’ nuqqas serju tal-qorti, jekk tali limitazzjoni teskludi r-responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kkonċernat f’każijiet oħrajn fejn jitwettaq ksur manifest tad-dritt Komunitarju, kif stipulat fil-punti 53 sa 56 tas-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2003, Kawża C-224/01, Köbler (2)”.
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat il-Liġi Nru 117 bħala inkompatibbli mal-ġurisprudenza tagħha stess. Din il-liġi għadha fis-seħħ u applikata. B’hekk, għadha teżisti l-inkompatibbiltà mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
(1) Ġabra 2006, p. I-5177
(2) Ġabra 2003, p. I-10239
Full & Egal Universal Law Academy