9.10.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/13
Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Belġju
(Kawża C-383/10)
2010/C 274/20
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u F. Dintilhac, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tal-Belġju
Talbiet tal-parti rikorrenti
—
tikkonstata li, billi introduċa u żamm fis-seħħ sistema li tistabbilixxi l-intaxxar diskriminatorju tal-interessi imħallsa mill-banek mhux residenti permezz tal-applikazzjoni ta’ eżenzjoni fiskali fir-rigward biss tal-interessi mħallsa mill-banek Belġjani, ir-Renju tal-Belġju naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 56 u 63 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ex Artikoli 49 u 56 tat-Trattat KE rispettivament) u tal-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea.
—
tikkundanna lir-Renju tal-Belġju għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkontesta d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni inkwantu għandhom l-effett li jiskoraġġixxu r-residenti Belġjani milli jirrikorru għas-servizzi ta’ banek stabbiliti f’pajjiżi tal-Istati Membri tal-Unjoni, peress li l-interessi mħallsa minn dawn tal-aħħar ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni fiskali applikabbli biss fir-rigward tal-interessi mħallsa minn banek Belġjani.
Preliminarjament, il-Kummissjoni tiċħad b’mod partikolari l-argument tal-konvenuta li jipprovdi li l-fiskalità diretta taqa’ taħt il-kompetenza esklużiva tal-Istati Membri u ssostni li dan il-qasam huwa impliċitament iżda neċessarjament inkluż fil-kompetenza tas-suq intern u għalhekk, jikkostitwixxi kompetenza kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri.
Bħala risposta għall-oġġezzjonijiet imqajma mill-awtoritajiet Belġjani, il-Kummissjoni tirrileva, l-ewwel nett, li n-nuqqas ta’ lment dwar dan is-suġġett mis-settur finanzjajru ma huwiex rilevanti sa fejn ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ta’ natura oġġettiva u għalhekk ma huwiex suġġett għal ilment. It-tieni u t-tielet nett, il-Kummissjoni tikkontesta, minn naħa, l-argument li l-miżuri msemmija iktar ’il fuq huma ġġustifikati minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġi żgurata l-effiċjenza tal-kontrolli fiskali, u min-naħa l-oħra, id-dikjarazzjoni li tipprovdi li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni hija miżura ta’ natura soċjopolitika li tipproteġi l-interess pubbliku. Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tiċħad il-ġustifikazzjoni tal-awtoritajiet Belġjani marbuta mal-effettività limitata tal-estensjoni ta’ din l-eżenzjoni u ssostni li l-grupp tal-persuni taxxabbli li lilu hija indirizzata din il-miżura jista’ wkoll ikun interessat fis-servizzi tal-banek stabbiliti fi Stati Membri oħra. Il-ħames nett, il-Kummissjoni tqiegħed f’dubju l-argument tal-konvenuta marbut mad-disparità eżistenti fl-Unjoni fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumaturi f’każ ta’ falliment ta’ bank u tfakkar il-fatt li dan il-qasam huwa suġġett għall-armonizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tallega li l-Belġju għandu tliet lingwi uffiċjali (l-Olandiż, il-Franċiż u l-Ġermaniż) u li l-oġġezzjonijiet invokati, marbuta mar-riskju ta’ nuqqas ta’ informazzjoni minħabba l-użu ta’ lingwa mhux mitkellma fil-Belġju mill-bank stabbilit barra l-Belġju, ma hijiex iġġustifikata.
Full & Egal Universal Law Academy