23.10.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 288/21
Appell ippreżentat fit-30 ta’ Lulju 2010 minn Chalkor AE Epexergasias Metallon mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fid-19 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża T-21/05: Chalkor AE Epexergasias Metallon vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-386/10 P)
2010/C 288/35
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Chalkor AE Epexergasias Metallon (rappreżentant: I. Forrester QC)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti tilob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex:
—
tannulla parzjalment jew b’mod sħiħ is-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn din tiċħad it-talba ta’ Halcor għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni;
—
tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-multa imposta fuq Halcor jew li tieħu kwalunkwe miżura oħra li tkun ikkunsidrata xierqa; u
—
tordna l-ħlas tal-ispejjeż ta’ Halcor, inklużi l-ispejjeż tagħha fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata abbażi tal-aggravji segwenti:
a)
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta applikat livell limitat ta’ stħarriġ ġudizzjarju. Il-qorti ma kkunsidratx il-kwistjoni bażika dwar jekk il-multa imposta fuq Halcor kinitx xierqa, ġusta u proporzjonata fir-rigward tal-gravità u t-tul tal-aġir illegali;
b)
Il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali. Għalkemm il-qorti ddeċidiet b’mod korrett li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ttrattat lil Halcor u lill-kumpanniji l-oħra b’mod identiku, mingħajr ma dak it-trattament ma kien iġġustifikat b’mod oġġettiv, hija naqset milli tosserva dak il-prinċipju sussegwentement;
ċ)
L-aġġustament min-naħa tal-Qorti Ġenerali tal-multa imposta fuq Halcor kien irrazzjonali u arbitrarju; u
d)
Is-sentenza kkontestata ma fihiex raġunament adegwat sabiex jispjega l-multa imposta fuq Halcor.
Full & Egal Universal Law Academy