9.10.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 274/15
Appell ippreżentat fit-3 ta’ Awwissu 2010 minn KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fid-19 ta’ Mejju 2010 fil-Kawża T-25/05: KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-389/10 P)
2010/C 274/22
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: KME Germany AG, li qabel kienet KM Europa Metal AG, KME France SAS, li qabel kienet Tréfimétaux SA, KME Italy SpA, li qabel kienet Europa Metalli SpA (rappreżentanti: M. Siragusa, avukat, A. Winckler, avukat, G. Rizza, avukat, T. Graf, Rechtsanwalt, M. Piergiovanni, avukat, R. Elderkin, Barrister)
Appellata Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti jsostnu li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:
—
tannulla s-sentenza,
—
sa fejn huwa possibbli, abbażi tal-fatti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tannulla parzjalment id-Deċiżjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa ta’ KME, u
—
tordna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri u tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali;
jew, sussidjarjament, fejn l-istat tal-proċeduri ma jkunx jippermetti hekk,
—
tannulla s-sentenza, inkluż fil-konfront tal-ordni tal-Qorti Ġenerali lil KME li tħallas l-ispejjeż, u tirrinvija l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali.
Aggravji u argumenti prinċipali
Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li l-Kummissjoni ma kellhiex bżonn turi li l-ftehim kellhom impatt fuq is-suq. Irrispettivament minn jekk din setgħetx tkun eżenti milli tistabbilixxi l-eżistenza tal-impatt fuq is-suq sabiex il-ksur jiġi kklassifikat bħala “gravi ħafna”, il-Kummissjoni ċertament għandha l-obbligu li tistabbilixxi u tikkwantifika dan l-impatt meta, kif għamlet fid-Deċiżjoni, hija jkollha l-intenzjoni li tistrieħ fuq l-impatt reali tal-kartell sabiex tiddetermina l-ammont inizjali tal-multa fuq il-kumpannija minħabba l-gravità. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta sostniet li l-Kummissjoni wriet skont l-istandard legali meħtieġ li l-ftehim kellhom impatt fuq is-suq, u meta qalet li l-Kummissjoni kienet intitolata sabiex tistabilixxi l-eżistenza ta’ impatt fuq is-suq b’riferiment għal sempliċi indikazzjonijiet. Dan l-iżball kien iktar gravi peress li f’dan il-każ KME ressqet evidenza, inkluż ta’ natura ekonomika, li turi li kumplessivement il-ksur ma kellux impatt fuq is-suq. Billi rraġunat hekk u billi ddeċidiet li tiċħad l-ewwel motiv tar-rikors ta’ KME, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u l-evidenza li kellha quddiemha, kisret id-dritt tal-Unjoni u pprovdiet motivazzjoni illoġika u mhux adegwata.
Permezz tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli approvat ir-riferiment tal-Kummissjoni — sabiex tiddetermina d-daqs tas-suq affettwat mill-ksur, sabiex tistabilixxi l-element ta’ gravità tal-multa ta’ KME — għal valur tas-suq li kien jinkludi d-dħul tas-suq għal prodotti nofshom maħduma (pajpijiet tar-ram għall-plumbing). Huwa biss il-valur tas-suq affettwat mill-kartell, jiġifieri s-suq għas-servizzi ta’ trasformazzjoni (li jirrappreżenta biss 30-40 % tal-prezz tal-pajpijiet) li kellu jiġi kkunsidrat. Billi ċaħdet it-tieni motiv tar-rikors ta’ KME, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ġenerali tal-Unjoni ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali, u pprovdiet motivazzjoni mhux adegwata.
Permezz tat-tielet aggravju, l-appellanti jikkritikaw il-Qorti Ġenerali talli ċaħdet ir-raba’ motiv tar-rikors tagħhom, li kien isostni li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-Linji Gwida dwar il-multi tal-1998 u kisret il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ trattament ugwali billi imponiet iż-żieda perċentwali massima fl-ammont inizjali tal-multa ta’ KME minħabba dewmien, minkejja li sabet li għal tliet snin l-akkordju kien inattiv u bl-ebda mod ma kellu effetti dannużi. Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u pprovdiet motivazzjoni mhux ċara, illoġika u mhux adegwata sabiex tikkonferma l-parti rilevanti tad-Deċiżjoni.
Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-Qorti Ġenerali talli ċaħdet il-ħames motiv tar-rikors u talli kkonfermat il-partijiet relevanti tad-Deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni — bi ksur tal-Linji Gwida dwar il-multi u tal-prinċipji ta’ ekwità u ta’ trattament ugwali — ċaħdet lil KME il-benefiċċju ta’ tnaqqis tal-multa abbażi tal-applikazzjoni ta’ diversi fatturi attenwanti. L-appellanti jsostnu, b’mod partikolari, li l-Qorti Ġenerali: (1) applikat l-istandard legali żbaljat meta kkunsidrat jekk KME kinitx tikkwalifika għal tnaqqis fil-multa minħabba l-implementazzjoni limitata tal-ftehim, (2) żbaljat billi ma laqgħetx it-talba ta’ KME sabiex titnaqqas il-multa minħabba l-kriżi fl-industrija tal-pajpijiet tar-ram għall-plumbing; u (3) naqset milli tirrimedja għar-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas il-multa abbażi tal-kooperazzjoni ta’ KME barra mill-ambitu tal-Avviż dwar il-Kooperazzjoni fil-kuntest tal-ftehim Ewropej iktar wiesa’ minħabba l-fatt li Outokumpu kienet l-ewwel impriża li pprovdiet lill-Kummissjoni informazzjoni dwar id-dewmien kollu ta’ dawn il-ftehim.
Permezz tal-ħames aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw il-Qorti Ġenerali talli ċaħdet is-seba’ motiv tar-rikors u talli kkonfermat ir-rifjut tal-Kummissjoni li tnaqqas il-multa ta’ KME minħabba li din ma setgħetx tħallas. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Qorti Ġenerali żbaljat fil-liġi bl-interpretazzjoni tat-test stabbilit fit-Taqsima S(b) tal-Linji Gwida għal tnaqqis tal-multa, minħabba inkapaċità ta’ ħlas, kif ukoll in-nuqqas tagħha li tirrimedja għad-diskriminazzjoni illegali mwettqa mill-Kummissjoni kontra KME meta mqabbla ma’ SGL Carbon fil-kawżi dwar il-grafita speċjali u l-prodotti tal-elettriku u mekkaniċi tal-karbonju u tal-grafita.Il-Qorti Ġenerali pprovdiet ukoll motivazzjoni illoġika u mhux adegwata għar-rifjut tagħha tat-talbiet ta’ KME.
Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni u d-dritt fundamentali tal-appellanti għal stħarriġ ġudizzjarju komplet u effettiv billi naqset milli tevalwa fil-fond u mill-qrib l-argumenti ta’ KME u billi wriet rispett diskriminatorju għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni.
Full & Egal Universal Law Academy