6.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/8
Appell ippreżentat fis-6 ta’ Awwissu 2010 minn Mediaset SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fil-15 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-177/07: Mediaset SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea, sostnuta minn Sky Italia Srl
(Kawża C-403/10 P)
2010/C 301/11
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Mediaset SpA (rappreżentant: K. Adamantopoulos, Dikigoros u G. Rossi, avukat)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea, Sky Italia Srl
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-177/07;
—
tiddeċiedi l-kawża definittivament billi tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkontestata fl-ewwel istanza; jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u
—
tordna li l-appellata u l-intervenjenti fl-ewwel istanza jbatu l-ispejjeż tal-kawża.
Aggravji u argumenti prinċipali
(1)
L-appellanti ssostni li: Il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi meta kkunsidrat li r-riferiment tal-appellanti għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tal-Liġi Taljana Nru 350/2003, kif ukoll il-motiv tal-appellanti dwar id-differenza bejn il-kunċetti ta’ (i) selettività skont l-Artikolu 107(1) TFUE u (ii) diskriminazzjoni, li hija distinta min-newtralità teknoloġika, huma inammissibbli. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ liġi meta legalment ikklassifikat il-liġi Taljana bħala teknoloġikament mhux newtrali.
(2)
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107 TFUE billi ppreżumit li n-natura allegatament “mhux teknoloġikament newtrali” tal-liġi Taljana tat neċessarjament vantaġġ ekonomiku selettiv lill-appellanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet li l-appellata ġustament iddeċidiet li kien hemm vantaġġ ekonomiku għal Mediaset, peress illi naqset (bħall-appellata) milli legalment tikklassifika l-kunċetti astratti — u sempliċement preżunti — ta’ “udjenza mwessgħa” u “penetrazzjoni fis-suq bi spejjeż minimi” bħala vantaġġ ekonomiku speċifiku għal Mediaset. Il-Qorti Ġenerali pprovdiet ukoll motivazzjoni inadegwata li tikser l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti Ġenerali u manifestament żnaturat il-fatti u wettqet żball ta’ liġi billi pproċediet b’interpretazzjoni falza u żnaturata tal-premessi 62 sa 68 tad-deċiżjoni kkontestata u tal-punti 74 sa 79 tas-sentenza. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi għaliex fir-rigward tal-allegat vantaġġ għal Mediaset hija sostitwiet il-motivazzjoni tagħha għal dik stabbilita fid-deċiżjoni kkontestata u interpretat l-provi prodotti b’mod li ma josservax l-kliem u l-analiżi tal-premessi 82 sa 95 tad-deċiżjoni kkontestata u żnaturat il-provi. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll fir-rigward tal-kunċett ta’ “benefiċjarju indirett” u fl-applikazzjoni u fil-klassifikazzjoni legali tagħha fil-kawża preżenti.
(3)
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kompletament naqset milli tevalwa l-motivi distinti stabbiliti fil-punti 93 sa 96, minn naħa, u, fil-punti 121 sa 129, min-naħa l-oħra, tar-rikors fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-liġi Taljana mal-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll mill tipprovdi motivazzjoni xierqa. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 107(3)(ċ) TFUE, billi ddikjarat il-liġi Taljana bħala inkompatibbli mas-suq komuni bħala riżultat, u sempliċement minħabba l-allegat nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ teknoloġija newtrali li jirriżulta mill-allegata esklużjoni tad-dekoders tas-satellita mill-vantaġġi, ta’ quod non; u billi approvat in-nuqqas tal-appellata li tevawla legalment l-effetti ta’ distorsjoni tal-miżura fuq is-suq tat-televiżjoni bi ħlas, permezz ta’ kontroll legali, ekonomika u test ta’ bbilanċjar: a) id-distorzjonijiet speċifiċi tal-kompetizzjoni fis-suq tat-televiżjoni bi ħlas; u b) l-allegati effiċjenzi tal-vantaġġ ekonomiku. Dan tal-aħħar ġie sempliċement preżunt u tqis bħala inkompatibbli mas-suq komuni għaliex allegatament ma kienx teknoloġikament newtrali. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u pproċediet b’motivazzjoni inkorretta meta ċaħdet it-tliet motivi tal-appellanti. Il-Qorti Ġenerali mhux biss ippreżentat u interpretat il-motiv u l-argumenti rilevanti dwar il-motivazzjoni kontradittorja tad-deċiżjoni kkontestata b’mod żbaljat, iżda naqset ukoll milli teżamina dawn l-argumenti u, għalhekk, wettqet żball meta ċaħdithom bħala infondati.
(4)
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999 (1) billi naqset milli tikkunsidra li n-nuqqasijiet fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-allegat vantaġġ ekonomiku mogħti lill-appellanti jwasslu fl-impossibbiltà effettiva li l-allegata għajnuna mill-Istat tiġi rkuprata, bi ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali. Għalhekk, id-deċiżjoni kkontestata ma pprovdietx għal rimedju effiċjenti u trasparenti u l-ebda metodu ta’ rkupru tajjeb ma ġie stabbilit. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-motivi tal-appellanti f’dan ir-rigward u wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kkontestata tippermetti li s-sitwazzjoni preċedenti terġa’ tiġi stabbilita.
(1) Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339)
Full & Egal Universal Law Academy