6.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/13
Appell ippreżentat fit-2 ta’ Settembru 2010 minn X Technology Swiss kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tal-15 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-547/08 — X Technology Swiss vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
(Kawża C-429/10 P)
2010/C 301/20
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: X Technology Swiss GmbH (rappreżentanti: A. Herbertz u R. Jung, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ġunju 2010 fil-Kawża T-547/08 u d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern tas-6 ta’ Ottubru 2008 — R 846/2008-4,
—
tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell huwa intiż kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, li tiċħad ir-rikors tal-appellanti għall-annullament tad-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, tas-6 ta’ Ottubru 2008, dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tagħha għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ta’ pożizzjoni, li tikkonsisti fl-għoti tal-kulur oranġjo lill-ponta ta’ kalzetta.
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat inkorrettament u b’mod żbaljat fil-liġi r-raġuni assoluta għal rifjut tat-trade marks li huma nieqsa minn karattru distintiv, prevista fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94, tal-20 Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja. Skont l-appellanti, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta imponiet kundizzjonijiet iktar importanti fir-rigward tal-karattru distintiv.
L-appellanti tqis li matul l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv, mhumiex biss il-karatteristiċi tat-trade mark meħuda individwalment li huma determinanti, iżda wkoll l-impressjoni globali tat-trade mark fir-rigward tal-prodotti inkwistjoni. Dan ifisser li l-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għandu jiġi eżaminat, minn naħa, fir-rigward tal-elementi differenti tagħha li jikkostitwixxuha, bħall-forma, il-pożizzjoni jew il-kulur, iżda wkoll, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-impressjoni ġenerali tagħha — ħaġa li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx. Fil-kuntest ta’ tali eżami, għandu jiġi kkunsidrat ukoll, bħala prinċipju, il-fatt li, fir-rigward tal-karattru distintiv, sabiex trade mark tiġi rreġistrata ċertu grad huwa biżżejjed.
L-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżaġerat ir-rekwiżiti fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, meta tinvoka l-ġurisprudenza dwar trade marks tridimensjonali, li jikkonsistu fl-aspett tal-istess prodott, u dwar trade marks figurattivi, li jikkonsistu f’rappreżentazzjoni bidimensjonali tal-prodott. Din il-ġurisprudenza mhijiex applikabbli għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni minħabba li t-trade mark tal-appellanti mhijiex trade mark tridimensjonali u minħabba li mhuwiex possibbli li jsir tqabbil, fis-sens li tista’ tiġi applikata għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni l-ġurisprudenza dwar trade marks oħra. B’kuntrast mat-trade marks koperti mill-ġurisprudenza ċċitata, it-trade mark inkwistjoni tirrigwarda biss parti żgħira tal-prodotti li jridu jiġu identifikati. Skont l-appellanti, sinjal iddefinit b’mod preċiż u b’kulur speċifiku, li huwa żgħir fir-rigward tal-prodotti li jridu jiġu identifikati, mhuwiex komparabbli ma’ trade mark li tikkonsisti kompletament mill-aspett tal-istess prodott.
L-appellanti tqis li anki jekk jiġi kkunsidrat li l-ġurisprudenza dwar it-trade marks tridimensjonali hija applikabbli għat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali hija vvizzjata minn żball ta’ liġi. L-appellanti tqis fil-fatt li t-trade mark tagħha tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisrpudenza dwar it-trade marks tridimensjonali. Din it-trade mark tvarja b’mod sinjifikattiv min-norma u mill-użu fis-settur u twettaq il-funzjoni essenzjali tagħha, jiġifieri li tindika l-oriġini. Ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali dwar il-grad ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti ma jistax jinftiehem: għax-xiri ta’ prodotti li ma jistgħux jiġu ppruvati minn qabel, il-konsumatur jagħti attenzjoni speċjali lit-trade marks partikolari li jkollu quddiemu. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali ma kinitx ittrattat biżżejjed l-argument imressaq mill-appellanti dwar l-użu ta’ kulur preċiż. Sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra l-identifikazzjoni ta’ kalzetti tal-isports bħala komuni, mhuwiex komprensibbli kif l-identifikazzjoni ta’ kulur li jinstab ripetutament fl-istess post u bl-istess kulur ma jistax jikkostitwixxi trade mark li tista’ tiġi rreġistrata.
Full & Egal Universal Law Academy