6.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 301/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen (Il-Belġju) tas-26 ta’ Awwissu 2010 — Ministerie van Financiën u Openbaar Ministerie v Aboulkacem Chihabi et
(Kawża C-432/10)
2010/C 301/23
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Rechtbank van eerste aanleg te Antwerpen
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Ministerie van Financiën, Openbaar Ministerie
Konvenuti: Aboulkacem Chihabi et
Domandi preliminari
(a)
Fir-rigward tal-Artikolu 221 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità:
(1)
L-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992 (1) li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità kif applikabbli qabel l-emenda bl-Artikolu 1(17) tar-Regolament Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000 (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li dokument li jsemmi l-ammont tad-dazju u li huwa nnotifikat lid-debitur mill-awtoritajiet doganali jista’ jiġi kkunsidrat bħala n-notifika tal-ammont ta’ dazju lid-debitur imsemmija fl-Artikolu 221(1) u (3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità biss jekk l-ammont tad-dazju ttieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet doganali (jiġifieri li ġie inkluż mill-imsemmija awtoritajiet fil-kotba tal-kontijiet jew b’kull mezz ieħor li għandu l-istess funzjoni) qabel in-notifika lid-debitur permezz tad-dokument imsemmi?
(2)
Il-ksur tal-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità (Regolament Nru 2913/92), li jipprovdi li d-dħul fil-kotba tal-kontijiet tad-dazju doganali għandu jsir qabel in-notifika tiegħu, fis-sens li jkun ġie stabbilit li d-dejn doganali ġie nnotifikat (fit-2 ta’ Lulju 2004) qabel ma ddaħħal id-dazju fil-kotba tal-kontijiet (it-tieni trimestru tal-2005), għandu bħala konsegwenza l-fatt li l-amministrazzjoni ma jkollhiex iktar dritt għall-irkupru tal-ammont ta’ dazju?
(3)
L-Artikolu 221(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li ma hemmx validità ta’ notifika tad-dazju doganali lil debitur preżunt jekk ma hemmx prova tad-dħul minn qabel tad-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet?
(4)
In-notifika tad-dejn doganali lid-debitur imsemmija fl-Artikolu 221(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, mingħajr ma l-imsemmi dejn doganali jkun iddaħħal fil-kotba tal-kontijiet qabel din in-notifika, għandha tiġi kkunsidrata bħala notifika mhux valida jew mhux eżistenti, li għandha bħala konsegwenza li d-dejn doganali ma jistax jiġi rkuprat mill-awtoritajiet doganali, ħlief jekk, fit-terminu previst għal dan il-għan, issir notifika ġdida wara li jiddaħħal id-dejn doganali fil-kotba tal-kontijiet?
(b)
Fir-rigward tal-Artikolu 202 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità:
(1)
L-Artikolu 202(1)(a) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li l-introduzzjoni fit-territorju doganali tal-Komunità ta’ merkanzija suġġetta għal dazju fuq l-importazzjoni hija illegali sempliċement peress li din il-merkanzija hija inkluża b’mod żbaljat fid-dikjarazzjoni sommarja prevista fl-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità, minkejja li:
—
it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 202(1) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità jirreferi biss għall-Artikoli 38 sa 41 u għat-tieni inċiż tal-Artikolu 177, u mhux għall-Artikolu 43 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità;
—
ir-responsabbiltà għall-eżattezza tal-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni pprovduta fl-Artikolu 199(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni Nru 2454/93 tikkonċerna biss id-dikjarazzjoni doganali u mhux id-dikjarazzjoni sommarja;
—
huwa impossibbli, prattikament u legalment, li l-persuna li għandha tippreżenta d-dikjarazzjoni sommarja tivverifika l-merkanzija li tinsab fil-kontejners?
(2)
Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fl-affermattiv, l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna (l-aġent marittimu) li jippreżenta dikjarazzjoni sommarja f’isem u għan-nom tal-prinċipal tiegħu (sid il-vapur) titqies li hija “il-persuna li tkun introduċiet dawk l-merkanziji kontra l-liġi” fis-sens tal-ewwel inċiż ta’ din id-dispożizzjoni sempliċement minħabba l-fatt li d-dikjarazzjoni sommarja tinkludi denominazzjoni żbaljata?
(3)
Jekk tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda, l-Artikolu 202(3) tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 24(2) tal-Liġi Ġenerali Belġjana dwar id-dazju fuq is-sisa (Algemene Wet inzake Douane en Accijnzen, iktar ’il quddiem “A.W.D.A”) li tipprovdi li persuna li ppreżentat dikjarazzjoni sommarja f’isem u għan-nom ta’ persuna oħra titqies awtomatikament li hija d-debitur tad-dejn doganali u ma tingħatax l-opportunità li turi li ma pparteċipatx fl-introduzzjoni illegali tal-merkanzija u ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf li kienu ser jiġu introdotti illegalment?
(4)
L-Artikolu 5 tal-Kodiċi Doganali tal-Komunità għandu jiġi interpretat fis-sens li jfisser li din id-dispożizzjoni teskludi dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 24.2 A.W.D.A., li tipprojbixxi l-użu ta’ rappreżentazzjoni diretta, jiġifieri, rappreżentazzjoni minn persuna li taġixxi f’isem u għan-nom tal-prinċipal, peress li din il-persuna titqies li hija awtomatikament responsabbli għad-dazju doganali fil-każ li dikjarazzjoni sommarja tinkludi denominazzjoni żbaljata?
(5)
Fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni sommarja li fiha l-merkanzija introdotta għandha denominazzjoni żbaljata, u tagħti lok għal dazju doganali skont l-Artikolu 202(1) tar-Regolament Nru 2913/92, il-persuna li tistabbilixxi u tiffirma d-dikjarazzjoni sommajra, bħala rappreżentant dirett jew indirett tal-persuna li introduċiet il-merkanzija fit-territorju doganali tal-Komunità, għandha tiġi kkunsidrata li kkawżat l-introduzzjoni illegali tal-merkanzija u għalhekk għandha titqies li hija d-debitur fis-sens tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 202(3) tar-Regolament Nru 2913/92 meta għall-finijiet tal-preżentata ta’ dikjarazzjoni sommarja, il-persuna bbażat ruħha esklużivament fuq l-informazzjoni li ġiet ipprovduta lilha mill-kaptan tal-vapur li permezz tiegħu ġiet introdotta l-merkanzija fil-Komunità u li minħabba l-kwantità kbira ta’ kontejners fuq il-vapur li kellhom jitnizzlu fil-port tad-dħul, kien prattikament impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-kontenut tal-kontejners ippreżentati quddiem l-awtoritajiet doganali kienx jikkorrispondi effettivament mad-dokumenti li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha u li abbażi tagħhom tfasslet id-dikjarazzjoni?
(6)
Il-kaptan tal-vapur u l-kumpannija marittima li jirrappreżenta għandhom jitqiesu li kkawżaw l-introduzzjoni illegali tal-merkanzija fil-Komunità, u konsegwentement, li huma d-debituri doganali fis-sens tal-ewwel inċiż Artikolu 202(3) tar-Regolament Nru 2913/92 fejn, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-kaptan, tiġi ppreżentata dikjarazzjoni sommarja mir-rappreżentant tiegħu li tinkludi denominazzjoni żbaljata tal-merkanzija, u li tagħti lok għal dazju doganali skont l-Artikolu 202(1) tar-Regolament Nru 2913/92 minħabba l-introduzzjoni illegali tal-merkanzija fil-Komunità?
(7)
Fil-każ li r-risposta/i għall-ħames u/jew is-sitt domanda tkun/ikunu fin-negattiv, il-persuni li hemm riferiment għalihom fil-ħames u/jew fis-sitt domanda jistgħu jitqiesu, fiċ-ċirkustanzi partikolari, li huma debituri doganali fis-sens tat-tieni inċiż l-Artikolu 202(3) tar-Regolament Nru 2913/92?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307)
(2) Regolament (KE) Nru 2700/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Novembru 2000, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi tad-Dwana tal-Komunita (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 10, p. 239)
Full & Egal Universal Law Academy