20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/20
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010 minn Cementir Italia Srl mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Lulju fil-kawża T-63/08, Cementir Italia Srl vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-449/10 P)
2010/C 317/37
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Cementir Italia Srl (rappreżentanti: T. Salonico, G. Barone u A. Marega, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata (1) u d-deċiżjoni (2) inkwantu jiċħdu n-natura kumpensatorja tal-miżura inkwistjoni, u jqisuha minflok għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli: u/jew
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad li l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni jmur kontra l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u, minħabba f’hekk, tannulla d-deċiżjoni sa fejn tordna lill-Italja tirkupra minnufih l-għajnuna bl-interessi: u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza appellata hija żbaljata u li għaldaqstant għandha tiġi annullata għal dawn ir-raġunijiet:
(1)
ksur tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat TFUE, kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u żball manifest minħabba żnaturament tal-provi prodotti fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat u mhux bħala misura kumpensatorja favur l-appellanti. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta interpretat b’mod restrittiv ir-regoli u l-ġurisprudenza nazzjonali invokati mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, liema regoli u giurisprudenza jipprovaw li l-miżura inkwistjoni ma hijiex għajnuna mill-Istat imma żammet ir-ratio kumpensatorja, oriġinarjament prevista mil-leġiżlatur Taljan fl-1962, u rrikonoxxuta mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali.
(2)
ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament KE Nru 659/1999 (3), kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ordni ta’ rkupru li jinsab fid-deċiżjoni ma jmurx kontra l-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata u nieqsa minn motivazzjoni adegwata sa fejn ċaħdet li s-silenzju għal żmien twil tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kjarifiki ppreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-aħħar tal-1991 fuq il-fatt li l-ewwel proroga tat-tariffa Terni żammet l-iskop finali kumpensatorju oriġinali hija ċirkustanza tali li toħloq aspettattivi leġittimi fl-appellanti fir-rigward tal-fatt li l-prorogi tat-tariffa Terni, li fosthom hemm il-miżura inkwistjoni, ma humiex għajnuna mill-Istat.
(1) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-63/08
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal- 20 ta’ Novembru 2007 dwar l-għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implimentata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008 L p. 37).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339
Full & Egal Universal Law Academy