20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/21
Appell ippreżentat fil-15 ta’ Settembru 2010 minn Nuova Terni Industrie Chimiche SpA kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) tal-1 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-64/08, Nuova Terni Industrie Chimiche SpA vs Il Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-450/10 P)
2010/C 317/38
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Nuova Terni Industrie Chimiche SpA (rappreżentanti: T. Salonico, G. Barone u A. Marega, avukati)
Appellata: Il Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
tannulla s-sentenza appellata (1) u d-Deċiżjoni (2) sa fejn huma jiċħdu l-karattru ta’ indennizz u kumpensatorju tal-miżura kkontestata, u jqisuha minflok bħala għajnuna mill-Istat illegali u inkompatibbli; u/jew
—
tannulla s-sentenza appellata sa fejn hija tiċħad li l-ordni għal irkupru li jinsab fid-Deċiżjoni jmur kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, għaldaqstant, tannulla d-Deċiżjoni sa fejn hija tordna lill-Italja sabiex tirkupra mill-iktar fis l-għajnuna u l-interessi; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti tqis li s-sentenza appellata hija żbaljata u għaldaqstant għandha tiġi annullata għal dawn l-aggravji:
(1)
ksur tal-Artikoli 107 u 108 TFUE, kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u żball manifest minħabba żnaturament tal-provi ppreżentati fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-miżura kkontestata bħala għajnuna mill-Isat u mhux bħala miżura kumpensatorja favur l-appellanti. Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta interpretat b’mod restrittiv ir-regoli u l-ġurisprudenza nazzjonali msemmija mir-rikorrenti fl-ewwel istanza, li juru li l-miżura kkontestata ma tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat iżda żammet l-iskop ta’ indennizz previst orġinarjament mil-leġiżlatur Taljan fl-1962 u rikonoxxut mill-Kummissjoni u mill-Qorti Ġenerali.
(2)
ksur tal-Artikolu 14(1) tar-Regolameent (KE) Nru 659/1999 (3), kif ukoll motivazzjoni kontradittorja u insuffiċjenti, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-ordni għal irkupru li jinsab fid-Deċiżjoni ma jmurx kontra l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali hija żbaljata u nieqsa minn motivazzjoni suffiċjenti sa fejn hija ċaħdet li s-silenzju mtawwal tal-Kummissjoni fir-rigward tal-preċiżazzjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet Taljani fl-aħħar tal-1991 fuq il-fatt li l-ewwel proroga tat-Tariffa Terni żżomm l-iskop orġinali ta’ kumpens jirrappreżenta fatt li jnissel aspettattiva leġittima fl-appellanti li l-prorogi tat-Tariffa Terni, fosthom il-miżura kkontestata, ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat.
(1) Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla), tal-1 ta’ Lulju 2010, fil-Kawża T-64/08
(2) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/408/KE, tal-20 ta’ Novembru 2007, dwar l-Għajnuna tal-Istat C 36/A/06 (ex NN 38/06) implementata mill-Italja favur ThyssenKrupp, Cementir u Nuova Terni Industrie Chimiche (ĠU 2008 L 144, p. 37).
(3) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339).
Full & Egal Universal Law Academy