20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/23
Appell ippreżentat fl-20 ta’ Settembru 2010 mill-Freistaat Sachsen u mil-Land Sachsen-Anhalt kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) mogħtija fit-8 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-396/08, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-459/10 P)
2010/C 317/41
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt (rappreżentanti: A. Rosenfeld u I. Liebach, avukati)
Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
(1)
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, tat-8 ta’ Lulju 2010, fil-Kawża T-369/08, Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni Ewropea, rigward dikjarazzjoni ta’ annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/878/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008, dwar l-għajnuna mill-Istat li l-Ġermanja ser tagħti lid-DHL, u tiddikjara null l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/878/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008;
(2)
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea indikata fl-ewwel punt u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea;
(3)
tikkundanna lill-appellata għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa dirett kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li ċaħdet ir-rikors imressaq mill-appellanti sabiex jiksbu dikjarazzjoni tal-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/878/KE, tat-2 ta’ Lulju 2008. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni kienet iddikjarat bħala inkompatibbli mas-suq il-biċċa l-kbira tal-għajnuna nnotifikata għat-taħriġ professjonali li l-Freistaat Sachsen u l-Land Sachsen-Anhalt riedu jagħtu lid-DHL.
Permezz tal-appell, l-appellanti jikkontestaw il-ksur li ġej tad-dritt tal-Unjoni mwettaq mill-Qorti Ġenerali:
Il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament Nru 68/2001, l-ex Artikolu 87(3)(ċ) KE, kif ukoll il-prinċipju tat-trattament ugwali, sa fejn l-eżami tan-natura neċessarja tal-għajnuna huwa żbaljat fil-liġi. Il-ksur tar-Regolament (KE) Nru 68/2001 jirriżulta mill-fatt li ġew applikati kriterji ta’ evalwazzjoni sostanzjali li mhumiex previsti mir-Regolament, u dan huwa ammissibbli, b’mod eċċezzjonali, biss meta l-karatteristiċi speċifiċi tal-każ jiġġustifikawh. L-ex Artikolu 87(3) KE huwa miksur sa fejn il-Qorti Ġenerali, b’mod żbaljat, ma ammettietx li l-għajnuna għat-taħriġ professjonali kienet tikkontribwixxi jew setgħet tikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 87(3)(ċ) KE, u li dan kellu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-eżami fid-dettall tagħha fis-sens tal-Artikolu 87(3) KE. Fl-aħħar nett, jeżisti ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali sa fejn, fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, f’ċirkustanzi simili, il-Kummissjoni ma eżaminatx u lanqas ma kkonstatat li l-għajnuna għat-taħriġ professjonali hija neċessarja. Għal tali trattament diskriminatorju, ma teżisti l-ebda ġustifikazzjoni oġġettiva.
Anki jekk wieħed jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-kriterju tan-natura neċessarja ġie msemmi ġustament, xorta jibqa’ żball ta’ liġi. F’dan is-sens, l-appellanti jallegaw li l-Qorti Ġenerali żnaturat ir-Regolament Nru 68/2001, il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għall-għajnuna reġjonali mill-Istat u l-ex Artikolu 87(3)(ċ) KE, sa fejn, fil-kuntest tal-eżami tan-natura neċessarja, ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett ta’ inċentiv għall-finijiet tal-għażla tal-post ta’ residenza jew tas-sede. Fil-fatt, mill-formulazzjoni tar-Regolament Nru 68/2001 jirriżulta l-fatt li l-għajnuna għat-taħriġ professjonali tista’ tinkludi mill-inqas anki aspetti reġjonali. Il-preżunzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-inċentiv lill-impriżi fiż-żoni żvantaġġjati u għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ impriżi ġodda jista’ biss jintlaħaq permezz ta’ għajnuna reġjonali hija infondata.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali kisret ir-Regolament Nru 68/2001, l-ex Artikolu 87(3)(ċ) KE, kif ukoll il-prinċipju tat-trattament ugwali, sa fejn hija applikat b’mod ġuridikament żbaljat kriterji irrilevanti fl-ambitu tal-evalwazzjoni tan-natura neċessarja tal-għajnuna. Minn naħa, din ma kellhiex tieħu inkunsiderazzjoni l-prassi tan-negozju u l-istrateġiji kummerċjali tal-benefiċjarji tal-għajnuna, għaliex b’dan il-mod l-impriżi, li abbażi ta’ standards kwantitattivi jistabbilixxu livell għoli ta’ taħriġ professjonali, ikunu żvantaġġjati għall-finijiet tad-dritt fuq l-għajnuna meta mqabblin ma’ impriżi oħra li l-livell ta’ taħriġ professjonali tagħhom huwa baxx. Min-naħa l-oħra, l-għajnuna setgħet titqies mhux neċessarja mhux biss għal din ir-raġuni, jiġifieri għaliex kienet prevista mil-liġi nazzjonali. Fil-fatt, dan iwassal għar-riżultat li l-impriżi tal-Istati Membri b’livell għoli ta’ taħriġ professjoanli previst mil-liġi jkunu żvantaġġjati meta mqabblin mal-impriżi ta’ Stati Membri b’livell ta’ taħriġ tal-persunal li, b’mod komparattiv, huwa baxx.
Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali kisret l-ex Artikolu 87(3)(ċ) KE sa fejn ma ħaditx inkunsiderazzjoni, u b’hekk żbaljat fil-liġi, l-effetti esterni pożittivi tal-miżuri kkontestati tat-taħriġ professjonali.
Full & Egal Universal Law Academy