20.11.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 317/25
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-466/10)
2010/C 317/44
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Patakia u D. Kuhovec)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tal-parti rikorrenti
—
tikkonstata li bl-użu tal-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għall-amministrazzjoni tal-iskart mediku perikoluż li jista’ jinfetta provenjenti mill-istabbilimenti tas-saħħa li jidħlu fil-kompetenza tal-Ewwel D.Y.P.E. (Amministrazzjoni Reġjonali tas-Saħħa) ta’ Attica, ir-Repubblika Ellenika naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 2004/18/KE, sa fejn ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 31 tad-direttiva u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) li jiġġustifikaw deroga għar-regola ġenerali u l-użu tal-proċedura eċċezzjonali prevista fl-artikolu inkwistjoni;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
(1)
Wara lment li ġie mibgħut lilha, il-Kummissjoni Ewropea eżaminat l-avviż tal-kummissjoni għall-provvisti sanitarji għall-parteċipazzjoni f’sejħa għal offerti permezz ta’ proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt għall-amministrazzjoni tal-iskart mediku perikoluż li jista’ jinfetta provenjenti mill-istabbilimenti tas-saħħa li jidħlu fil-kompetenza tal-Ewwel D.Y.P.E. (Amministrazzjoni Reġjonali tas-Saħħa) ta’ Attica.
(2)
Il-Kummissjoni tfakkar li l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ kuntratt b’kundizzjonijiet ċari u ferm definiti hija bħala regola ġenerali obbligatorja, u li l-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt hija awtorizzata biss b’mod eċċezzjonali, fil-każijiet preċiżi li huma stabbiliti fl-Artikolu 30 u 31 tad-Direttiva 2004/18/KE u li għandhom ikunu s-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, filwaqt li l-oneru tal-prova relattiv għall-fatt li jeżistu ċirkostanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw deroga jinsab effettivament fuq dak li jinvoka d-dispożizzjonijiet inkwistjoni.
(3)
F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li mill-avviż inkwistjoni jirriżulta li, għalkemm l-awtorità kontraenti invokat il-proċedura eċċezzjonali prevista fl-Artikolu 31(1)(ċ) tad-Direttiva 2004/18/KE, din ma pprovatx li l-kundizzjonijiet previsti mid-dispożizzjoni inkwistjoni kienu sodisfatti u kienu jiġġustifikaw li jsir użu minn din il-proċedura.
(4)
Il-Kummissjoni tqis li meta għamlet użu mill-proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż ta’ kuntratt, l-awtorità kontraenti naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 28 tad-direttiva, sa fejn ma ġewx sodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 31 tad-direttiva u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 31(1)(ċ) li jiġġustifikaw deroga għar-regola ġenerali u l-użu tal-proċedura eċċezzjonali prevista fl-artikolu inkwistjoni.
Full & Egal Universal Law Academy