4.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/19
Rikors ippreżentat fit-28 ta’ Settembru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża
(Kawża C-470/10)
2010/C 328/34
Lingwa tal-kawża: il-Portugiż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. França u I.V. Rogalski, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża
Talbiet
—
tiddikjara li, billi żammet fis-seħħ rekwiżit ta’ reġistrazzjoni u ta’ akkreditazzjoni mill-awtoritajiet Portugiżi fir-rigward ta’ kwalunkwe provvista temporanja ta’ servizz minn aġenti ta’ privattivi Komunitarji li diġà huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u billi wettqet kontroll tal-kwalifiki professjonali tal-aġenti ta’ privattivi Komunitarji li jiċċaqilqu fil-Portugal, anki fil-każ ta’ provvista temporanja ta’ servizz, ir-Repubblika Portugiża ma wettqitx l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 TFUE u l-Artikoli 5 sa 7 tad-Direttiva 2005/36/KE (1) dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali.
—
tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-leġiżlazzjoni Portugiża inkwistjoni tipprekludi lill-aġenti ta’ trade marks u ta’ privattivi legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor milli jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ rappreżentanza tagħhom mal-Instituto Nacional da Propriedade Industrial (Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Industrijali, “INPI”), fil-Portugall, meta dawn jiċċaqilqu sabiex jipprovdu servizz lil klijenti li jinsabu fi Stat Membru ieħor, jekk ma jkunux preċedentement issottomettew ruħhom għal verifika tal-kwalifiki sabiex jiġu akkreditati jew rikonoxxuti minn dan l-istitut.
(1) ĠU L 255, p. 22
Full & Egal Universal Law Academy