4.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/22
Appell ippreżentat fis-27 ta’ Settembru 2010 mill-Kummissjoni Ewropea kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-111/07, Agrofert Holding a.s. vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-477/10 P)
2010/C 328/39
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: B. Smulders, P. Costa de Oliveira, V. Bottka, aġenti)
Appellati: Agrofert Holding a.s., Ir-Renju tal-Isvezja, Ir-Repubblika tal-Finlandja, Ir-Renju tad-Danimarka, Polski Koncern Naftowy Orlen SA
Talbiet tal-appellanti
—
tirrevoka s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tas-7 ta’ Lulju 2010 fil-Kawża T-111/07, Agrofert Holding a.s. vs Il-Kummissjoni;
—
tagħti deċiżjoni finali dwar il-kwistjonijiet imqajma f’dan l-appell; u
—
tordna lir-rikorrenti fil-Kawża T-111/07 tħallas l-ispejjeż tal-Kummissjoni marbuta ma’ dik il-kawża u ma’ dan l-appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Dan l-appell jikkonċerna l-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti marbuta (i) mal-protezzjoni tal-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni tal-investigazzjonijiet”), (ii) mal-protezzjoni tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni tal-interessi kummerċjali”), (iii) mal-protezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet”) u, (iv) mal-protezzjoni tal-pariri legali (iktar ’il quddiem “l-eċċezzjoni tal-pariri legali”). Dawn huma stabbiliti, rispettivament, fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2), fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2), fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) u fit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1049/2001”).
B’mod iktar preċiż, dan l-appell ikopri l-applikazzjoni ta’ dawn l-eċċezzjonijiet għad-dokumenti f’fajl tal-Kummissjoni dwar proċedura ta’ kontroll ta’ konċentrazzjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (2) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 139/2004”).
Il-Kummissjoni tqis li fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi fl-interpretazzjoni tagħha tal-eċċezzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq meta naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tal-proċeduri tad-dritt tal-kompetizzjoni u tal-garanziji mogħtija mir-Regolament Nru 139/2004 lill-impriżi li jkunu qegħdin jieħdu sehem fil-proċeduri ta’ konċentrazzjoni. B’mod partikolari, fis-sentenza tagħha l-Qorti Ġenerali ma pprovatx tistabbilixxi bilanċ ġenwin u armonjuż bejn iż-żewġ kuntesti legali applikabbli għal dan il-każ. Minflok, hija interpretat b’mod żbaljat ir-regoli dwar l-aċċess għal dokumenti u, għalhekk, għamlet inapplikabbli r-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet.
L-ewwel kwistjoni mressqa għall-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali, kif stabbilit fir-Regolament Nru 139/2004 u fl-Artikolu 339 TFUE, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-eċċezzjonijiet għad-dritt għal aċċess, b’mod partikolari l-eċċezzjonijiet tal-investigazzjonijiet u tal-interessi kummerċjali.
It-tieni kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali li f’dan il-każ ma kien hemm ebda ċirkustanzi partikolari li kellhom iwasslu għar-rifjut ta’ aċċess għal dokumenti, mingħajr ma kien meħtieġ li l-Kummissjoni teżamina, b’mod konkret u individwali, kull dokument mitlub u li tipprovdi motivazzjoni dettaljata għar-rifjut fir-rigward tal-kontenut ta’ kull dokument mitlub.
It-tielet kwistjoni tikkonċerna l-interpretazzjoni restrittiva tal-eċċezzjoni tal-investigazzjonijiet fis-sens li din l-eċċezzjoni ma tistax tapplika wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ttemm il-proċedura amministrattiva tal-kontroll ta’ konċentrazzjoni.
Ir-raba’ kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-portata tal-obbligu li tingħata motivazzjoni bil-għan li jintwera r-riskju ta’ żvelar b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet u tal-pariri legali.
Fl-aħħar nett, il-ħames kwistjoni mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonċerna l-interpretazzjoni tar-regoli dwar aċċess parzjali. Il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija li, sabiex tkun tista’ twettaq b’mod effettiv l-investigazzjonijiet tagħha dwar konċentrazzjonijiet, hija għandha tikkonforma ruħha mal-obbligi imposti fuqha mir-Regolament Nru 139/2004, b’mod partikolari dawk marbuta mas-sigriet professjonali, irrispettivament mill-fatt li d-deċiżjoni tagħha tkun saret definittiva. Barra minn hekk, meta r-regoli proċedurali li jirregolaw qasam ta’ attività partikolari, kif interpretati mill-ġurisprudenza, jagħtu protezzjoni lil ċerti dokumenti, bħad-dokumenti interni tal-Kummissjoni, għandu jiġi rikonoxxut li tali dokumenti jibbenfikaw minn preżunzjoni ġenerali li mhumiex aċċessibbli taħt ir-Regolament Nru 1049/2001. Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tixħet dubji fuq il-portata tal-kapaċità tal-Kummissjoni li twettaq l-investigazzjonijiet tagħha f’dan il-qasam kif ukoll fuq id-drittijiet tal-partijiet li jkunu ssottomettewlha dokumenti u dan l-appell huwa intiż sabiex jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċċara l-approċċ korrett.
Il-Kummissjoni għalhekk qiegħda tippreżenta dan l-appell sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet fundamentali mqajma mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali u sabiex tkun tista’ tistabbilixxi interpretazzjoni koerenti u armonjuża taż-żewġ atti legali kkonċernati.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta’ Jannar 2004, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).
Full & Egal Universal Law Academy