4.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/25
Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja
(Kawża C-483/10)
2010/C 328/43
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: H. Støvlbæk u R. Vidal Puig, aġenti)
Konvenut: Ir-Renju tas-Spanja
Talbiet
—
tiddikjara li r-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 4(1), 11(2), 14(1) u 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Frar 2001, dwar l-allokazzjoni ta’ kapaċità ta’ infrastruttura tal-ferroviji u t-tqegħid ta’ piżijiet għall-użu ta’ infrastruttura tal-ferroviji u ċertifikazzjoni tas-sigurtà (1), u taħt l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/440, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar l-iżvilupp tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità (2).
—
tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-Renju ta’ Spanja naqas li jimplementa d-dispożizzjonijiet li ġejjin tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq:
(1)
l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, sa fejn il-livell tal-ħlasijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-ferroviji jiġi “allokat” esklużivament mill-awtoritajiet statali, peress li jħallu l-irwol ta’ “amministratur tal-infrastrutturi” (AMIF) jitnaqqas għal sempliċi ġabra tal-ħlasijiet;
(2)
l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2001/14/KE, peress li l-iskema tal-piżijiet stabbiliti mill-awtoritajiet Spanjoli ma tipprovdix għal skema ta’ inċentivi taħt il-kriterji stipulati fl-imsemmi artikolu;
(3)
l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2001/14/KE, peress li l-liġi Spanjola ma tiggarantixxxix suffiċjentement l-indipendenza tar-regolatur (il-Kumitat Regolatorju tal-Ferroviji) kontra ADIF (l-amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja) u RENFE-Operadora (kumpanija ferrovijarja taħt il-Ministeru għall-Iżvilupp);
(4)
l-Artikolu 10(7) tad-Direttiva 91/440/KEE, peress li l-korp regolatur (il-Kumitat Regolatorju tal-Ferroviji) ma għandux il-mezzi neċessarji sabiex jeżerċita l-irwol ta’ sorveljanza tal-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji li jagħtih dan l-artikolu;
(5)
l-Artikolu 13(2) u l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2001/14/KE sa fejn il-leġiżlazzjoni Spanjola tipprovdi kriterji għall-allokazzjoni tal-kapaċità infrastrutturali ferrovjarja li huma diskriminatorji; li jistgħu jwasslu sabiex, fil-fatt, jiġu aġġudikati mogħdijiet b’tul itwal minn perijodu ta’ validità tal-ħinjiet tas-servizz; u nuqqas ta’ speċifiċità.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 404
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 341
Full & Egal Universal Law Academy