18.12.2010
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 346/35
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fl-20 ta’ Ottubru 2010 — Evroetil AD vs Direktor na Agentsia “Mitnitsi”
(Kawża C-503/10)
2010/C 346/62
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Evroetil AD
Konvenut: Direktor na Agentsia “Mitnitsi”
Domandi preliminari
(1)
L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li d-definizzjoni tal-bijo-etanol tinkludi wkoll prodotti bħal dak inkwistjoni, li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi li ġejjin:
—
jiġi prodott mill-bijomassa;
—
il-produzzjoni ssir permezz ta’ teknoloġija speċjali deskritta fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-produzzjoni tal-bijo-etanol, imfasslin mir-rikorrenti Evrotil AD u din it-teknoloġija hi differenti minn dik użata għall-produzzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfasslin mill-istess produttur;
—
fih iktar minn 98,5 % alkoħol u s-sustanzi li ġejjin, li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum: tipi ta’ alkoħol qawwijin — minn 714,49 sa 8 311 mg/dm3; aldeide — minn 238,16 sa 411 mg/dm3; ester (etile aċetat) — minn 1 014 sa 8 929 mg/dm3;
—
jissodisfa r-rekwiżiti tal-istandard Ewropew pr EN 15376 għall-bijo-etanol użat bħala karburant;
—
huwa intiż biex jintuża bħala karburant u, fil-prattika, jintuża bħala bijokarburant billi jiżdied mal-petrol A95 u jinbigħ fil-pompi tal-petrol;
—
ma jiġix żnaturat permezz ta’ proċedura ta’ żnaturament speċjali.
(2)
L-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30/KE għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex il-prodott inkwistjoni jkun jista’ jiġi ddefinit bħala bijo-etanol, jeħtieġ li fil-prattika jintuża bħala bijokarburant, jew huwa biżżejjed li jkun intiż biex jintuża bħala bijokarburant u/jew ikun oġġettivament adattat biex jintuża bħala bijokarburant?
(3)
Jekk, fid-dawl tar-risposti mogħtija lid-domandi 1 u 2 jiġi aċċettat li l-prodott inkwistjoni jew parti minnu jikkorrispondi għall-bijo-etanol, taħt liema kodiċi għandu jiġi kklassifikat fin-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana, emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991 (2)?
3.1
Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 22 tan-NM u, b’mod partikolari, l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-klassifikazzjoni tal-bijo-etanol ?
3.2
F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3.1, meta ssir il-klassifikazzjoni tal-bijo-etanol u b’mod partikolari tal-prodott inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk il-prodott ġiex żnaturat (b’mod konformi mal-proċeduri previsti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93, tat-22 ta’ Novembru 1993, dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa (3), jew skont xi proċedura ammissibbli oħra)?
3.3
F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3.2, id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa biss il-bijo-etanol żnaturat li għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 2207 20 000 tan-NM?
3.4
F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3.3, id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bijo-etanol mhux żnaturat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 2207 10 000 tan-NM?
3.5
F’każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda 3.1 u negattiva għad-domanda 3.2, taħt liema waħda mill-intestaturi għandu jiġi kklassifikat il-prodott inkwistjoni: 2207 10 000 jew 2207 20 000?
3.6
F’każ ta’ risposta negattiva għad-domanda 3.1, il-bijo-etanol għandu jiġi kklassifikat taħt wieħed mill-kodiċijiet tan-NM inklużi fid-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (4) u, jekk ikun il-każ, taħt liema wieħed?
(4)
Jekk, fid-dawl tar-risposti mogħtija għad-domandi 1 u 2 jiġi aċċettat li l-prodott inkwistjoni jew parti minnu ma huwiex bijo-etanol, il-prodott inkwistjoni, li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi speċifikati fid-domanda 1, għandu jiġi ddefinit bħala alkoħol etiliku fis-sens tal-ewwwl inċiż tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (5)?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188
(2) ĠU L 259, p.1.
(3) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 249
(4) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 9, Vol. 1, p. 405
(5) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206
Full & Egal Universal Law Academy