15.1.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 13/21
Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija
(Kawża C-516/10)
2011/C 13/38
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Braun u E. Montaguti, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 5, flimkien mal-Artikolu 2(3) u (4), u l-Artikolu 6(2)(g) tal-Vorarlberger Grundverkehrsgesetzes (VGVG), ir-Repubblika tal-Awstrija kisret l-Artikoli 49 u 63 TFUE;
—
tikkonstata li, billi żammet fis-seħħ l-Artikolu 6(2)(d), flimkien mal-Artikolu 2(3) u (4), tal-VGVG, ir-Repubblika tal-Awstrija kisret l-Artikoli 49 u 63 TFUE;
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Il-Kummissjoni ma hijiex tikkontesta li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-akkwist ta’ artijiet fuq il-bażi tal-interess pubbliku. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-Vorarlberger Grundverkehrsgesetzes (VGVG) invokati f’din il-kawża jikkostitwixxu restrizzjoni sproporzjonata tal-moviment liberu tal-kapital u tal-libertà ta’ stabbiliment.
B’mod partikolari, ir-regola msejħa r-regola tal-partijiet interessati, li permezz tagħha l-VGVG tagħti prijorità lill-bdiewa fuq persuni li ma humiex bdiewa fir-rigward tal-akkwist ta’ art agrikola, hija sproporzjonata. Li l-art inkwistjoni tibqa’ tintuża għal skopijiet agrikoli jista’ jiġi ggarantit ukoll, pereżempju, meta l-eventwali akkwirent ikollu l-intenzjoni li jikri l-art inkwistjoni lill-kerrej attwali għal perijodu twil.
Bl-istess mod, ma huwiex ċar għalfejn ir-regola tal-partijiet interessati tapplika wkoll meta l-proprjetarju attwali jagħti l-art tiegħu bħala kontribuzzjoni in natura lil kumpannija jew lil trust, u dan minkejja li jkun iggarantit li l-art inkwistjoni se tibqa’ tintuża għal skopijiet agrikoli.
Fil-fehma tal-Kummissjoni, huwa wkoll sproporzjonat li r-regola msemmija tal-partijiet interessati terġa’ tiġi applikata meta l-akkwist ma jirnexxix minħabba raġunijiet li ma jkunux marbuta mal-persuna tal-bejjiegħ.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tikkritika l-fatt li l-VGVG b’ebda mod ma tipprevedi regola li tippermetti l-bejgħ ta’ art agrikola mingħajr l-obbligu għall-proprjetarju li jużaha għal skopijiet agrikoli meta ma jkunx hemm interess min-naħa tal-bdiewa fil-kultivazzjoni tal-art agrikola inkwistjoni.
Full & Egal Universal Law Academy