29.1.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 30/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sozialgericht Würzburg (il-Ġermanja) fid-9 ta’ Novembru 2010 — Doris Reichel-Albert vs Deutsche Rentenversicherung Nordbayern
(Kawża C-522/10)
2011/C 30/31
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Sozialgericht Würzburg
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Doris Reichel-Albert
Konvenuta: Deutsche Rentenversicherung Nordbayern
Domandi preliminari
(1)
Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (1), għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-perijodi għat-trobbija tat-tfal, magħmula fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal perijodi magħmula fit-territorju nazzjonali biss meta l-ġenitur li rabba lit-tfal kien jirrisjedi abitwalment mat-tifel tiegħu barra mit-territorju nazzjonali u, matul il-perijodu għat-trobbija jew immedjatament qabel it-twelid tat-tifel tiegħu, kien suġġett għal perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja minħabba attività bħala impjegat jew minħabba attività bħala persuna li taħdem għal rasha mwettqa hemmhekk jew meta, fil-każ ta’ residenza komuni ma’ konjuġi jew sieħeb barra mill-pajjiż, dan il-konjuġi jew sieħeb tal-ġenitur li rabba lit-tfal kien suġġett għal tali perijodi ta’ kontribuzzjoni obbligatorja jew inkella ma ħallasx tali kontribuzzjoni għar-raġuni li kien jaqa’ taħt il-kategoriji ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 5(1) u (4) tal-Kapitolu VI tas-Sozialgesetzbuch (iktar ’il quddiem l-“SGB VI”) jew kien eżenti mill-obbligu li jħallas kontribuzzjoni soċjali taħt l-Artikolu 6 tal-SGB VI [inċiżi 2 u 3 tal-Artikolu 56(3), l-Artikoli 57 u 249 SGB VI]?
(2)
Id-dispożizzjoni li tinsab fl-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, għandha tiġi interpretata b’mod li jmur lil hinn mill-kontenut letterali tagħha u fis-sens li, b’mod eċċezzjonali, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, anki meta ma jkunx hemm attività bħala persuna impjegata jew bħala persuna li taħdem għal rasha, il-perijodi għat-trobbija tat-tfal meta, jekk ma jsirx hekk, skont is-sistemi legali rispettivi, tali perijodi la jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-Istat Membru kompetenti u lanqas fi Stat Membru ieħor fejn il-persuna kkonċernata tkun irrisjediet abitwalment matul il-perijodu għat-trobbija tat-tfal?
(1) ĠU L 284, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy