5.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/2
Appell ippreżentat fis-16 ta’ Novembru 2010 minn adp Gauselmann GmbH mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) mogħtija fid-9 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-106/09 — adp Gauselmann GmbH vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Archer Maclean
(Kawża C-532/10 P)
2011/C 38/02
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: adp Gauselmann GmbH (rappreżentant: P. Koch Moreno, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), Archer Maclean
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata, tad-9 ta’ Settembru 2010, tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fil-Kawża T-106/09.
—
tannulla d-deċiżjoni, tat-12 ta’ Jannar 2009, tal-Ewwel Bord tal-Appell tal-UASI jew, sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.
—
tikkundanna lill-partijiet avversarji għall-ispejjeż taż-żewġ kawżi.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali ma kinitx konsistenti mal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament dwar it-trade mark Komunitarja (1). L-appellanti tibbaża ruħha fuq l-aggravji li ġejjin:
—
L-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta tat lill-kelmiet “Archer Maclean’s”, li ċarament għandhom rappreżentazzjoni sekondarja u marġinali fit-trade mark kollha li għaliha saret l-applikazzjoni, li jagħmluhom kważi illeġġibbli, l-istess valur distintiv bħall-kelma “MERCURY”, li hija l-element distintiv u dominanti, meta kkonkludiet li ma hemmx probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark ikkontestata, “MERKUR”.
—
L-appellanti ssostni li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali wettqet evalwazzjoni żbaljata taż-żewġ trade marks, peress li l-kelma “MERCURY”, li hija l-element distintiv u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, mhux biss ma għandha l-ebda tifsira fil-lingwa tas-suq rilevanti, jiġifieri l-Ġermanja, iżda hija simili ħafna, mill-aspett fonetiku u viżiv, għat-trade mark ikkontestata, “MERKUR”.
—
Fl-aħħar nett, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta qieset li d-differenzi minimi bejn il-kelma “MERCURY”, li hija l-element distintiv u dominanti tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, u “MERKUR”, li hija s-simbolu tat-trade mark ikkontestata, huwa biżżejjed sabiex jipprekludi lill-pubbliku milli jitħawwad bejn iż-żewġ trade marks.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja
ĠU L 78, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy