5.2.2011
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 38/2
Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2010 minn Brookfield New Zealand Ltd, Elaris SNC mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) mogħtija fit-13 ta’ Settembru 2010 fil-Kawża T-135/08, Schniga vs OCVV — Elaris u Brookfield New Zealand (Gala Schnitzer)
(Kawża C-534/10 P)
2011/C 38/03
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Brookfield New Zealand Ltd, Elaris SNC (rappreżentant: M. Eller, avukat)
Appellati: L-Uffiċċju Komunitarju ta’ Varjetajiet tal-Pjanti (CPVO), Schniga GmbH
Talbiet tal-appellanti
L-appellanti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali
—
tirrinvija l-kawża lill-Qorti Ġenerali għas-sentenza jew, sussidjarjament, permezz ta’ sentenza definittiva, tiċħad ir-rikors tal-rikorrenti Schniga GmbH u konsegwentement tikkonferma d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tas-CPVO tal-21 ta’ Novembru 2007 fil-Każijiet A-003/2007 u A-004/2007
—
tordna li l-ispejjeż jiġu rrimborsati.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza kkontestata għandha tiġi annullata abbażi ta’ dawn ir-raġunijet:
I. Inammissibbiltà tat-tielet motiv mressaq mir-rikorrenti Schniga GmbH. Eżami mill-ġdid illegali tal-fatti kif evalwati mill-Bord tal-Appell. Ksur tal-Artikolu 73(2) tar-Regolament Nru 2100/94 (1) (iktar ’il quddiem “RK”).
—
It-tielet motiv, imressaq mir-rikorrenti Schniga GmbH insostenn tar-rikors tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u milqugħ fis-sentenza kkontestata, kellu jiġi ddikjarat bħala inammissibbili, peress li dan kien jimplika eżami mill-ġdid tal-fatti, li ma huwiex awtorizzat mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73(2) RK.
—
Il-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 73(2) RK billi illegalment eżaminat mill-ġdid konstatazzjonijiet fattwali tal-Bord tal-Appell li jikkonċernaw il-kontenut attwali tat-talba individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) RK u t-tifsira tagħhom mill-applikant.
II. Ksur tal-Artikolu 55(4) b’konnessjoni mal-Artikolu 61(1)(b) u mal-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 2100/94 (iktar ’il quddiem “RK”)
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li l-Artikolu 55(4) RK jagħti lill-Uffiċċju s-setgħa li jressaq talbiet f’każijiet individwali, il-ksur ta’ liema jwassal għal ċaħda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 61(1)(b) RK, mhux biss b’referenza għall-kwalità tal-materjal li għandu jiġi ppreżentat f’ċertu żmien, iżda wkoll b’referenza għall-evidenza dokumentata ta’ tali kwalità.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li l-Artikolu 55(4) RK jagħti lill-Uffiċċju s-setgħa li jaqsam it-talbiet tiegħu f’każijiet individwali f’żewġ talbiet awtonomi u independenti, waħda li tikkonċerna l-materjal innifsu u waħda li tikkonċerna l-evidenza dokumentata tal-kwalità, il-ksur ta’ liema jwassal għal ċaħda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 61(1)(b) RK.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ulterjuri billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li l-Artikolu 55(4), flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) RK, jagħti lill-Uffiċċju s-setgħa li jippermetti sottomissjonijiet ġodda ta’ materjal, f’sitwazzjoni fejn it-terminu stabbilit preċedentment għas-sottomissjoni ta’ materjal ta’ ċerta kwalità kien diġà skada, sempliċement minħabba li t-terminu sabiex tintbagħat l-evidenza dokumentata li tikkonċerna l-kwalità ta’ tali materjal kien għadu ma skadiex.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li l-Artikolu 55(4), flimkien mal-Artikolu 61(1)(b) RK, jagħti lill-Uffiċċju s-setgħa li jippermetti sottomissjoni ġdida ta’ materjal ħieles minn virus, ladarba t-terminu għas-sottomissjoni tal-imsemmi materjal kien skada u ladarba kien definittivament ċar li l-imsemmi materjal ma kienx ħieles minn virus.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ulterjuri billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) — fid-dawl tal-fatt li l-materjal sottomess kien infettat b’virus u li, għaldaqstant, l-ebda ċertifikat tas-saħħa ma seta’ ntbagħat u qatt ma kien sejjer jintbagħat għal dan il-materjal — li l-kliem “mill-iktar fis possibbli”, fir-rigward tal-istedina sabiex jintbagħat iċ-ċertifikat tas-saħħa li kien nieqes għal materjal diġà sottomess, ma setax jinftiehem bħala terminu u fi kwalunkwe każ mhux bħala terminu li skada, fir-rigward ta’ talba individwali fis-sens tal-Artikolu 55(4) RK, li jwassal għal ċaħda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 61(1)(b) RK.
—
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ulterjuri billi ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li l-Artikolu 55(4) jagħti lill-Uffiċċju setgħa diskrezzjonali sħiħa sabiex ikun sodisfatt, mingħajr ebda stħarriġ ġerarkiku jew ġudizzjarju ulterjuri, mill-preċiżjoni legali u ċarezza tat-talbiet tiegħu f’każijiet individwali, il-ksur ta’ liema jwassal għal ċaħda tal-applikazzjoni skont l-Artikolu 61(1)(b) RK, u billi b’mod ulterjuri ddikjarat (jew impliċitament assumiet) li tali evalwazzjoni diskrezzjonali mill-Uffiċċju tista’ titwettaq a) indipendentement minn jekk l-applikant ġiex formalment u tempestivament mitlub għar-ristabbiliment ex Artikolu 80 RK, u b) mingħajr ebda kunsiderazzjoni tal-fehim tal-applikant ta’ tali talba jew dwar il-bona jew mala fede fl-interpretazzjoni ta’ tali talba.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 16, p. 390
Full & Egal Universal Law Academy